Il-Kunsilli Lokali għandhom ikomplu jservu biex itejbu l-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Dan hu dak li jkompli jinċentiva t-tmexxija tal-Kunsilli Lokali. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel fil-lokalità ta’ Ħal Balzan.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, mis-Sindku tal-lokal John Zammit Montebello, minn Kunsilliera u anke Kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Ħal Balzan.
Is-Sindku John Zammit Montebello tkellem dwar id-diversi proġetti li dan il-Kunsill irnexxielu jwettaq fl-aħħar snin, fosthom pavimentar tat-toroq prinċipali, li saru anke bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Zammit Montebello semma wkoll li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan bħalissa qed jaħdem fuq proġetti oħrajn.
Is-Sindku ta’ Ħal Balzan spjega kif fi 15-il sena bħala Sindku, dejjem ħadem biex l-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali tibqa’ b’saħħitha. Filfatt, għalkemm mhux se jikkontesta l-elezzjoni li jmiss fuq livell lokali, Zammit Montebello qal li għamel minn kollox biex ilħalli lill-Kunsill mingħajr dejn.
Lejn l-aħħar taż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u s-Sindku ta’ Ħal Balzan awguraw biex dik il-persuna li se jkollha f’idejha l-amministrazzjoni tal-lokalità wara l-elezzjoni tal-11 ta’ April tkompli taħdem għall-ġid tar-residenti kollha.
//= $special ?>