Internazzjonali

‘In-Nisa fl-Istat Iżlamiku’….Dokument tat-twerwir

Il-militanti ma’ qawwa tal-pulizija tal-Grupp ISIS (Stat Iżlamiku) magħmulha, kollha kemm hi, min-nisa, ħarġu manifest dwar ir-rwol ‘ċar’ tan-nisa skont l-ideoloġija tal-istess moviment terroristiku.

Id-dokument tat-twerwir, bl-isem ‘In-Nisa fl-Istat Iżlamiku’, jinsisti li t-tfal ta’ disa’ snin ‘għandhom ikunu imħeġġa biex jiżżewwġu’, b’silta oħra tikkundanna l-ħwienet tas-sbuħija bħala ‘l-frott tax-xitan’.

L-istess dokument, fost oħrajn, itenni li l-mara jrid ikollha rwol ewlieni fil-ħajja ‘fejn tibqa’dejjem moħbija wara velu, minbarra li tkun dejjem lesta biex tkun għas-servizz tar-raġel li hu speċi superjuri’.

Intant, id-dokument mill-Brigata Al-Khansa tan-Nisa, mal-ISIS, iħeġġeġ biex ‘in-nisa li tassew huma puri jieħdu ħsieb li jiżżewwġu mhux wara li jkun għalqu s-sittax il-sena u waqt li għadhom żgħażagħ u attivi’. Dan meta d-dokument jagħmilha ċara wkoll li ‘l-bniet ta’ disa’ snin jistgħu jiżżewwġu lill-irġiel adulti b’mod leġittimu’.

Il-manifest ikompli li l-ħwienet u l-‘beauty parlours’ li jbiegħu ħwejjeġ tal-moda m’għandhomx ikunu tollerati peress li huma ‘strumenti tax-xitan li jinkoraġġixxu lin-nisa biex jonfqu ħafna flus ħalli jibdlu d-disinn u l-pjani ta’ Alla’.

Id-dokument hu l-ewwel ta’ dan it-tip li ċċirkolat l-Al-Khansa. Sadanittant, u waqt li d-dokument jibgħat messaġġ speċifiku li ‘ma nkitibx mit-tmexxija tal-ISIS’, toħroġ xorta stampa inkredibbli ta’ kif in-nisa li jgħixu taħt ir-reġim barbaru tal-ISIS qed jistennew li jkunu trattati.

Agħfas hawn għar-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-atoċitajiet tal-ISIS