Raġel ta’ 42 sena minn San Ġwann ġie mixli li b’arma tan-nar f’idu huwa hedded li jiftaħ in-nar fuq martu u ibnu ta’ 13-il sena. L-Ispettur Elton Taliana qal li kien għall-ħabta tat-8.15 p.m. f’jum San Pawl li r-raġel qalilhom li kien se joqtolhom.
Ir-raġel li tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex jiġu protetti martu u wlieda, wieġeb mhux ħati li bl-imġieba tiegħu beżża lil martu u lil ibnu, liema biża fissret li kienet se tintuża’ vjolenza kontrihom.
L-akkużat li għandu żewġt itfal ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Pulizija.
L-Avukat Paul Farrugia qal l-klijent tiegħu kien qed inaddaf xi armi reġistrati f’dahru, u kien hemm ibnu ħdejh u dan beda jmiss waħda mill-armi u nqala argument mat-tifel u l-mara.
Fuq il-post waslu uffiċjali tal-Pulizija protetti minn “bullet proof vests” li rnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni mingħajr ma’ weġġa’ ħadd. Ir-raġel ittieħed lejn l-għassa ta’ San Ġiljan fejn huwa ġie nterrogat. Il-kawża hija waħda familjari.
Ir-raġel ngħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €1,500. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara u iben l-akkużat.
//= $special ?>