Il-midja soċjali, partikolarment Twitter, faret b’messaġġi wara l-qtil ta’ tliet studenti Musulmani, speċjalment għaliex ħadd min-networks prinċipali tal-aħbarijiet ma rrapporta l-inċident.
Il-fatt li CNN, Fox News u CBS ma wrew xejn f’ebda bulletin tal-aħbarijiet, qanqal lil diversi Musulmani biex jikkummentaw li fl-Istati Uniti mhemmx interess għal dak li jiġri fil-ħajja tal-Musulmani.
Il-każ seħħ ġimgħa ilu f’Chapel Hill meta raġel armat spara u qatel lil Deah Shaddy Barakat ta’ 23 sena, Yusor Mohammad ta’ 21 sena u lil Razan Mohammad Abu-Salha ta’ 19-il sena.
Barakat kien responsabbli minn programm ta’ għajnuna għal studenti Sirjani fit-Turkija u kien diġà ġabar $20,000. F’Jannar, fuq Twitter ukoll, kien ikkummenta li hu ta’ dwejjaq li tisma’ persuni jgħidu li għandhom joqtlu lil-Lhud jew lill-Palestinjani, għax dan ma jsolvi xejn.
Il-Pulizija qalet li qed iżżomm lil Craig Stephen Hicks, ta’ 46 sena, li ġie akkużat bil-qtil tat-tliet żgħażagħ. Hicks qiegħed il-ħabs wara li kkostitwixxa lilu nnifsu lill-Pulizija.
//= $special ?>