Lokali Saħħa

Nuqqas ta’ dinjità wkoll f’San Vinċenz de Paule u f’Mater Dei

L-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paule u f’Mater Dei mhux qed jiġu trattati bid-dinjità mistħoqqha kaġun tan-nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern. Dan sostnewh ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà Robert Cutajar f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem ir-Residenza San Vinċenz.

Ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici qalet li s-sitwazzjoni fir-Residenza San Vinċenz de Paule hi konferma li dan hu gvern li ma jżommx il-wegħdi u li ma kellux pjan jew roadmap. Hi tat diversi eżempji tas-sitwazzjoni f’San Vinċenz, fost l-oħrajn, fejn minħabba nuqqas ta’ ppjanar, xogħolijiet ta’ ristrutturar fis-Sala “San Ġużepp 3” qed isiru propju f’perjodu fejn hemm iffullar kbir f’Mater Dei u meta fil-pajjiż hawn problemi kkaġunati mill-kesħa qawwija.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li minkejja l-wegħdi, ix-xogħol fuq il-bini tad-Dar għall-Anzjani f’Għawdex għadu ma bediex. Dan meta l-Gvern kien iddikjara li anke għandu investituri barranin li lesti jidħlu għall-proġett. Staqsa kif il-Gvern qed jgħid li jrid joħloq niċċa għal anzjani barranin li jiġu rikoverati fi Djar għall-Anzjani f’Malta, meta lanqas għandu pjan biex jakkomoda lill-anzjani Malttin.

Cutajar appella wkoll lill-awtoritajiet tas-Saħħa biex jilqgħu talba ta’ anzjana ta’ 93 sena biex tingħaqad ma’ żewġha ta’ 94 sena fl-istess Dar għall-Anzjani. Hu kkritika wkoll is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei, li tant marret għall-agħar li fil-Ward tal-Pedjatrija tat-Tfal qed jitpoġġew l-anzjani fil-Waiting Room u l-Play Area tat-tfal.

Dawn l-esperjenzi, sostnew Paula Mifsud Bonnici u Robert Cutajar, jikkonfermaw kemm il-Gvern m’għandux pjan fis-settur tal-Anzjani u kemm il-poplu qed ikollu jħallas kaġun tan-nuqqas ta’ politika u viżjoni tal-Gvern Laburista.