Kunsilli Lokali Lokali

Reazzjonijiet kontrastanti għall-Bus Lane il-ġdida fix-Xatt tas-Sliema u l-Gżira

Diġà bdew joħorġu diversi reazzjonjiet kontrastanti għall-proposta ta’ Transport Malta biex Triq ix-Xatt, minn Tas-Sliema sal-Gżira, issir b’karreġġjata waħda għall-vetturi u karreġġjata oħra bħala Bus Lane.

Skont Transport Malta, din il-proposta għandha ttejjeb it-traffiku f’din it-triq ewlenija minħabba li l-karrozzi sejrin lejn Manoel Island mhux se jkollhom bżonn jibdlu l-karreġġjata quddiem il-Pont.

Transport Malta qed tibbaża l-proposta tagħha fuq stħarriġ li sar u li skont hi juri li karreġġjata waħda hi biżżejjed għal din it-triq traffikuża. Madankollu, din il-proposta ġabet reazzjoni immedjata fl-opinjoni pubblika u fil-media, fejn il-gazzetti trattawha minn aspetti differenti.

L-espert tat-traffiku Hugh Arnett qal lil The Times li din il-propota se tkun diżastruża, filwaqt li s-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chricop qal li l-Kunsill se jara kif se tkun qed titħaddem qabel jagħti opinjoni. Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema kien pożittiv għall-fatt li mhux se jitneħħew l-ispazji għall-parkeġġ li hemm fl-istess triq. Meta ssir din il-Bus Lane, ix-xufiera se jkollhom jgħaddu minnha biex jipparkjaw mal-bankina.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Gżira Roberto Cristiano kien pożittiv għad-deċiżjoni li ma jitneħħewx spazji għall-parkeġġ minn Triq ix-Xatt. Hu sostna li karreġġjata waħda tista’ tkun riskjuża minħabba li tista’ tikkaġuna traffiku akbar fil-Gżira. Cristiano qal li din is-sistema għandha tkun evalwata wara perjodu ta’ żmien fis-seħħ.

Din id-deċiżjoni ta’ Transport Malta hi waħda minn sensiela ta’ proposti kontroversjali, fosthom il-kontroversja dwar ir-roundabout ta’ Ħal Qormi u l-Bus Lane fix-Xatt tal-Imsida, fejn diġà seħħ inċident li seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar gravi.