Lokali

Rebħa oħra għall-UĦM

Nuqqas mill-amministrazzjoni tal-Malta Public Transport Services, kumpanija tal-Gvern, wasslet biex ma ttiehdet l-ebda deċiżjoni dwar liema Unjin tirrappreżenta l-maġġoranza tax-xufiera.

Dan kollu tħabbar wara tilwima bejn it-Taqsima Port u Trasporti tal-Unjin Ħaddiema Maqgħudin u l-Malta Public Transport Services, hekk kif it-Tribunal Industrijali nhar l-Erbgħa iddeċieda li l-verifika għandha ssir mid-Dipartiment tad-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjoninjiet Industrijali, mhux aktar tard mill-25 ta’ Frar.

Il-Unjin Ħaddiema Maqgħudin irreferiet għall-inġustizzja li qed isseħħ f’dan il-każ u fi stqarrija qalet li l-kumpanija Malta Public Transport Services, f’isem il-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon, għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex issir il-verifika minnufih.

Il-Unjin qalet li se tkompli tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tara li x-xewqa tal-ħaddiem tkun irrispettatha. Il-UĦM qalet li din il-verifika kellha ssir diversi xhur ilu u mingħajr ma jinfetħu proċeduri legali.

Il-UĦM qed tappella lix-xufiera biex ikomplu jingħaqdu ma’ din il-unjin ħalli flimkien jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom.