Internazzjonali Lokali

“Renzi u Muscat għandhom iħeġġu lil Juncker isejjaħ summit dwar l-immigrazzjoni”

Il-Konfederazzjoni tat-Trejdunjins Maltin, is-CMTU, appellat lil Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi biex, bl-ikbar urġenza, isibu soluzzjoni għal mod kif qed tkun indirizzata l-isfida tal-immigrazzjoni fil-Baħar Mediterran.

Il-Konfederazzjoni qed issejjaħ lil dawn iż-żewġ Kapijiet ta’ gvern biex iħeġġu lil Preisdent tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħmel summit urġenti biex jiddiskuti din is-sitwazzjoni.

Fost oħrajn, il-Konfederazzjoni fakkret fit-traġedji riċenti li qed iseħħu fl-ibħra ta’ madwar il-gżejjer tagħna, fosthom bit-traġedja li seħħet viċin Lampedusa fl-aħħar jiem, u li wasslet għall-mewt ta’ madwar 300 immigrant.

L-istatistika hija dejjem iktar xokkanti, tenniet il-Konfederazzjoni, li semmiet kif fl-2014 biss, ġew salvati mal-200,000 ruħ, filwaqt li 3,500 persuna tilfu ħajjithom fil-vjaġġ tagħhom lejn l-Italja u Malta.