Internazzjonali

Servizz militari ‘obbligatorju’ għan-nisa fil-Korea ta’ Fuq

Il-Korea ta’ Fuq komunista għamlet is-servizz militari obbligatorju għan-nisa żgħażagħ, bl-iskop li jissaħħu l-qawwiet nazzjonali.

Jaħsbu li l-miżura tapplika għan-nisa bejn is-17 u l-20 sena u meta jridu jimplimentawha l-uffiċċji għall-mobilizzazzjoni tal-militar f’kull provinċja u belt tal-Korea ta’ Fuq.

Is-sorsi qalu li r-reġim fi Pyongyang, proprju s-sena l-oħra, ħareġ il-mandat biex in-nisa kollha ‘li ggradwaw mill-iskola’ jibdew is-servizz militari obbligatorju. Intant, jidher li tlestew diġa l-eżamijiet fiżiċi u l-proċessi ta’ ‘screening’ għall-potenzjal ta’ mard li jittieħed waqt dan l-ingaġġ tan-nisa mal-qawwiet komunisti.

Ir-reklutaġġ militari fil-Korea ta’ Fuq, is-soltu, jsir darbtejn fis-sena (f’April u f’Awwissu) u meta n-nisa, fl-aħħar snin, servew mal-Armata fuq bażi volontarja. Mill-banda l-oħra, is-servizz militari hu obbligatorju għall-irġiel f’dan il-pajjiż.