Lokali

Studenti tal-liġi fi skambju mal-Università ta’ La Sapienza

Studenti tal-liġi minn Malta, membri tal-Junior Chamber of Advocates (JCA), il-ġimgħa li għaddiet żaru Ruma fi skambju ma’ studenti Taljani tal-liġi fl-Università ta’ La Sapienza, li għandha l-eqdem fakultà tal-liġi fl-Ewropa.

Dan kien l-ewwel skambju għal din l-organizzazzjoni ġdida li taħdem taħt l-awspiċi tal-Kamra tal-Avukati, bil-għan li sservi bħala pont bejn l-iżvilupp akkademiku tal-istudent tal-liġi u l-aspett prattiku tal-professjoni legali.

Iż-żewġ gruppi ta’ studenti ddiskutew diversi suġġetti, fosthom kif dawn jistgħu jgħinu lil xulxin bi proġetti konġunti u b’faċilitajiet għall-JCA waqt l-istudji tal-istudenti tagħha, u kif l-istudenti Maltin jistgħu jgħinu lil dawk Taljani biex huma wkoll joħolqu organizzazzjoni simili għall-JCA.

Iż-żewġ entitajiet iffirmaw ġemellaġġ bejniethom bid-delegazzjoni Taljani mistennija żżur Malta iktar tard din is-sena.