Internazzjonali

Tama għall-paċi fl-Ukrajna

Hekk kif il-mexxejja ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Ukrajna u r-Russja sejrin Minsk, il-belt kapitali tal-Belarus, biex jippruvaw jilħqu ftehim għal waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna, fil-Lvant tal-Ukrajna kien hemm splużjoni fil-ġlied.
It-taħditiet qed jitqiesu bħala l-aħħar ċans biex ikun evitat kunflitt akbar. Dan hekk kif it-tensjoni bejn ir-Russja u l-Punent kompliet tikber minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna. It-Tlieta, il-President Amerikan Barack Obama ċempel lil dak Russu, Valdimir Putin, fi sforz biex jagħmel pressjoni għal ftehim.
Hu stmat li madwar 6,000 persuna nqatlu minn mindu beda l-kunflitt u f’dawn l-aħħar ġranet, kien hemm żieda fl-imwiet fost il-popolazzjoni ċivili. Hu stmat li bejn il-31 ta’ Jannar u l-5 ta’ Frar inqatlu 263 persuna ċivili.
Dan kollu fl-isfond ta’ qasma li hemm fil-Punent bejn dawk li jridu jagħtu l-armi lill-Ukrajna u dawk kontra dan il-pass, li Puntin wissa li jekk iseħħ kien se jaggrava l-kriżi.