Lokali

Tolleranza zero għall-korruzzjoni

F’kummenti mal-ġurnalisti waqt żjara dalgħodu f’Ħal Balzan, l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamilha ċara li hu għandu tolleranza zero għal kull tip ta’ korruzzjoni, kemm fil-passat kif ukoll fil-preżent. “Ħadd m’għandu jistenna kenn mill-Partit Nazzjonalista jekk ikun involut f’każ ta’ korruzzjoni,” sostna Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-każ tal-flus moħbija b’bank Żvizzeru. Hu sostna li “teżisti l-għodda legali biex issir investigazzjoni u jittieħdu passi kontra kull min għandu flus barra minn pajjiżna b’mod li qed jevadi t-taxxa.” Hu kompla jgħid li jittama li jittieħdu l-passi kontra kull min jevadi t-taxxa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien mistoqsi wkoll dwar il-prezzijiet tal-fuels. Hu qal li filwaqt li Konrad Mizzi qed iġib l-iskuża li ma jistax iraħħas il-petrol u d-diesel minnufih b’mod sostanzjali għax tinħoloq problema ta’ cashflow fl-Enemed, għall-Ministru żgur ma teżisti l-ebda problema ta’ cashflow għax il-mara tiegħu qed titħallas €13,000 fix-xahar. “Konrad Mizzi qed jinkwieta fuq il-cashflow tal-Enemed imma ma jimpurtahx mill-cashflow tal-familji u n-negozji Maltin,” qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil żvela kif f’Ottubru 2014, erba’ xhur ilu, ingħata kuntratt mingħajr sejħa għall-offerti mill-kumpanija responsabbli mill-ħażna taż-żejt f’pajjiżna, l-MOBC, għat-tankijiet tal-ħażna tagħha lill-kumpanija barranija World Fuel Services. B’hekk issa din il-kumpanija barranija għandha aċċess għat-tankijiet tal-fuel f’Malta u allura għandha l-aċċess biex tkun tista’ tforni l-fuel lill-pompi tal-petrol f’Malta.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien mistoqsi wkoll dwar l-iskandlu tax-xiri taż-żejt li faqqa’ fl-aħħar kampanja elettorali u għadu għaddej s’issa bi proċeduri fil-Qorti u anke bix-xhieda quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament.

Simon Busuttil qal li l-veru skandlu hu li hemm persuni li kellhom jitressqu l-Qorti u f’sentejn ta’ Gvern Laburista baqgħu ma tressqux.

Simon Busuttil staqsa għaliex il-każ inkixef fl-aħħar kampanja elettorali meta kien imur lura mill-inqas għaxar snin, kif ukoll ghaliex min kellu l-informazzjoni dwar l-iskandlu ma marx mill-ewwel għand il-Pulizija.

Waqt li kompla jfakkar li kif ħareġ fil-beraħ l-iskandlu, il-Gvern Nazzjonalista ressaq il-Qorti seba’ persuni – imma għall-kuntrarju, għaddew sentejn tal-Gvern Laburista u dan il-Gvern għadu ma ressaq lil ħadd iktar. “Dan juri l-motivazzjoni politika ta’ Joseph Muscat li uża dan il-każ waqt il-kampanja biex jirbaħ l-elezzjoni”, qal Simon Busuttil.

Hawnhekk Simon Busuttil għamel referenza għall-aħwa Farrugia li issa ħareġ ċar li kellhom jitressqu l-Qorti huma wkoll. Imma fl-aħħar sentejn, kemm ilu fil-gvern il-Partit Laburista dawn għadhom ma tressqux, qal Simon Busuttil, filwaqt li rrimarka li l-avukat tagħhom kien Manwel Mallia li sa ftit xhur ilu kien Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. “Nixtieq inkun naf għaliex ma tressqux meta hu kien Ministru”, ikkummenta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.