Fit-tnedija tal-Karnival f’Ħal Għaxaq, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li l-Karnival fil-lokalitajiet qiegħed dejjem jikber fil-popolarità tant li din is-sena l-Karnival se jsir fi 18-il lokalità differenti f’Malta u f’Għawdex.
Waqt li faħħar il-kreattività u l-innovazzjoni tal-Karnival, Stefan Buontempo qal li ħafna minn dawn l-attivitajiet qed jieħdu l-forma ta’ karnival spontanju waqt li dawn jiġġeneraw iktar turiżmu intern u jagħtu opportunità lill-artisti lokali.
Darren Abela, is-sindku ta’ Ħal Għaxaq, stieden lill-pubbliku biex jieħu sehem fil-karnival spontanju li se jsir fil-pjazza ta’ Ħal Għaxaq. Qal li din is-sena l-kunsill lokali se jorganizza l-karnival f’Ħal Għaxaq b’mod akbar għaliex għandu l-għajnuna tal-Fondazzjoni GAL Xlokk.
F’Ħal Għaxaq din is-sena, il-Ħadd filgħaxija, se jsir il-Karnival organizzat bis-sehem ta’ 10 kumpaniji taż-żfin, daqq mill-baned ta’ Ħal Għaxaq, talent lokali u satira mill-atturi tas-serje televiżiva Fi Klassi Għalina. Il-karnival spontanju mbagħad isir it-Tnejn u t-Tlieta filgħaxija u matulu se jkun hemm premijiet għall-aqwa maskerat, l-aqwa maskra u l-aqwa karru tal-karnival.
Għall-karnival f’Ħal Għaxaq qed jingħataw fondi Ewropej permezz tal-programm LEADER.
//= $special ?>