Lokali

Botta u risposta bejn il-Gvern u l-MUMN dwar ir-riċeviment li sar fl-isptar tal-onkoloġija

Il-Gvern u l-MUMN spiċċaw f’botta u risposta dwar riċeviment li sar fl-isptar tal-onkoloġija. Il-union qed tinsisti li l-Gvern messu stieden lill-infermiera kollha, mhux biss lil dawk li jaħdmu fis-swali tal-operazzjonijiet, għax l-infermiera kollha jagħmlu xogħol prezzjuż.

Li sar riċeviment u ġew mistiedna biss parti mill-infermiera hu inġust u diskriminatorju, qal il-President tal-MUMN Paul Pace lill-ġurnal The Malta Independent li lbieraħ irrappurtat ilmenti minn infermiera li kellmuha wara li ma ġewx mistiedna għar-riċeviment. Anke Paul Pace, li ma kienx mistieden, qal li jaqbel mal-ilmenti li ressqu dawn l-infermiera.

Imma s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal li ma jaqbilx ma’ dak li qed tgħid l-MUMN għax, skont hu, ir-riċeviment sar biex jirringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-swali tal-operazzjonijiet biex jirringrazzjahom taż-żieda ta’ 4,000 operazzjoni fl-aħħar sena. Skont Fearne, il-gratitudni hi lejn il-ħaddiema kollha tas-servizz tas-saħħa u ma jaqbilx li din ma ntwerietx sempliċement għax ma kinux mistiedna għar-riċeviment.

Skont Paul Pace madankollu, jekk il-Gvern ried jiċċelebra rekord ta’ operazzjonijiet seta’ wkoll ifakkar ir-rekord ta’ pazjenti li daħlu fis-swali tal-mediċina, fi djar tal-anzjani bħal f’San Vinċenz de Paul, in-numru rekord ta’ pazjenti fil-kuriduri u r-rekord ta’ pazjenti f’dipartimenti ta’ kura ta’ matul il-jum.