Lokali Unjoni Ewropea

Bżonn ta’ aktar riżorsi fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari – Roberta Metsola

L-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra dak kollu possibbli biex tiġġieled l-immigrazzjoni irregolari, fosthom billi tiddedika aktar riżorsi lill-forza navali Ewropea għall-Mediterran. Qalet dan il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew.

Id-dibattitu kien jitratta l-immigrazzjoni u l-ażilju, bil-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista tagħmel referenza għal dak li seħħ fil-jiem li għaddew ‘il barra minn Lampedusa, fejn madwar 300 immigrant tilef ħajtu. Qalet li wasal iż-żmien li l-Gvernijiet Ewropej jirriflettu aktar dwar din is-sitwazzjoni, filwaqt li ssuġġeriet li l-UE żżid l-appoġġ għall-operazzjonijiet relatati mal-Frontex b’sistemi li qed jintużaw fil-ġlieda kontra l-piraterija.

Roberta Metsola qalet li ħidma akbar mill-Unjoni Ewropea tgħin biex jimtela l-vojt li ħalliet it-tmiem tal-operazzjoni Mare Nostrum, li kienet qed tmexxi l-Italja. Sostniet li l-UE trid tkun aktar ippreparata bi pjan olistiku u b’responsabbiltà konġunta bejn l-Istati Membri kollha ħalli jitnaqqsu t-traġedji fil-Mediterran.

L-MEP qalet li m’għandniex nibqgħu nistennew aktar ħajjiet jintilfu qabel mal-UE tingħaqad u tagħmel xi ħaġa.