Il-vot ta’ sittax-il sena u l-involviment taż-żgħażagħ fil-politika kienu s-suġġetti diskussi waqt dibattitu fl-MCAST organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ.
Dibattitu li ħa forma ta’ diskussjoni bejn l-istudenti preżenti, l-għaqdiet li jirrappreżentawhom, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Innovazzjoni u l-Isport Chris Agius u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, iż-Żgħażagħ u l-Isport David Agius.
Imma fuq kollox tispikka l-kontradizzjoni ta’ Chris Agius. Hu rrefera għal dan id-dibattitu billi qal kemm hu importanti l-involviment taż-żgħażagħ fid-deċiżjonjiet li jittieħdu fil-pajjiż u qal li l-politiċi jridu jagħtu ċans liż-żgħażagħ.
Imma fl-istess ħin il-Gvern qed iċaħħad lill-istess studenti li kienu quddiem l-istess Chris Agius milli jivvutaw fir-referendum għall-kaċċa fir-Rebbiegħa u jiddeċiedu għall-futur tagħhom, jiġifieri l-ambjent.
Minn naħa tiegħu David Agius irrefera għaż-żmien meta kien żagħżugh hu stess, fejn permezz tal-involviment tiegħu fl-għaqda studenteska SDM, flimkien ma’ sħabu, għex it-twaqqif ta’ kunsilli tal-istudenti. Għalhekk ħeġġeġ lill-istudenti biex joħolmu u jkunu protagonisti tal-bidla.
“Bħala partit nemmnu li ż-żgħażagħ għandhom jitħallew jivvutaw mhux biss fil-kunsilli lokali imma anke’ fir-referenda u elezzjonijiet tar-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew,” sostna David Agius.
Preżenti għal dan id-dibattu kien hemm ukoll l-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-istudenti; il-Kunsill Studenti MCAST, il-Pulse u l-SDM.
//= $special ?>