Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Filmat: Ir-rispett lejn il-pazjenti għandu jmur lil hinn mill-kwoti fissi – Therese Comodini Cachia

L-aċċess għall-mediċini hu fundamentali biex jiġi rispettat tassew l-ogħla standard li jixraqlu pazjent. Is-sostenibbiltà tal-provvista u l-garanzija tad-disponibbiltà tal-mediċina huma prijoritajiet importanti, għalkemm nuqqasijiet għadhom jippersistu u qed joħolqu problemi. Qalet dan il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia waqt sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Stasburgu.

Waqt li l-Parlament Ewropew kien qed jiddiskuti stqarrijiet mill-Kunsill tal-Ministri u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aċċess tal-mediċini fl-Unjoni Ewropea, Comodini Cachia appellat għal soluzzjonijiet xprunati mill-UE, b’impenn sħiħ mill-Gvernijiet, kumpaniji tal-farmaċewtika u imsieħba fil-qasam tas-Saħħa biex il-pazjenti jingħataw ir-rispett li jixirqilhom.

L-MEP Nazzjonalista esprimiet tħassib dwar in-nuqqas ta’ rispett li turi s-sistema fil-konfront ta’ pazjenti u anke Konsulenti fis-settur meta ma jkunx hemm aċċess għall-mediċina neċessarja biex issir id-dijanjozi. Żiedet li l-UE għandha tkun fuq quddiem fil-ġlieda għal aktar mediċini aċċessibbli permezz ta’ pressjoni biex jitnaqqsu l-piżijiet u l-burokrazija eċċessiva fl-inklużjoni ta’ mediċini speċifiċi fil-Formularju.

Therese Comodini Cachia appellat biex ma tibqax issir distinzjoni bejn il-pazjenti bħal meta jiġu approvati mediċini għal kundizzjoni partikulari iżda mhux għal oħra. Kompliet li l-Istati Membri jridu jirrealizzaw li mediċini b’xejn ma jistghux jibqgħu jiġu approvati sena b’sena u bi kwoti fissi għax il-pazjenti mhumiex numri.

Il-kummenti ta’ Comodini Cachia saru fil-kuntest ta’ studju ppubblikat f’Ottubru li għadda mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Farmaċisti fl-Isptarijiet, li poġġa lil Malta fuq nett fil-lista ta’ pajjizi l-aktar affettwati minn nuqqas ta’ mediċini li ġieli jtulu anke ġimgħat. Fl-istudju, Malta kienet anke fost dawk il-pajjiżi li jitilfu l-akbar ammont ta’ ħin biex isibu dawn il-mediċini.