Gvern li llum qed juri biċ-ċar li m’għandux roadmap u li hu Gvern populist
It-trasferiment tal-Monti maġenb il-bini l-ġdid tal-Parlament fid-Daħla tal-Belt issejjaħ mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura u Arti, Joe Cassar, bħala żball kbir u fawl ta’ Karta Ħamra.
Id-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar qal meta tkellem fil-Parlament dwar kif il-miżuri tal-estimi tal-Baġit se jolqtu s-settur kulturali f’Malta minħabba l-mod kif dan il-Gvern kien, għadu, u probabbli se jkompli jħares lejn il-kultura u l-industrija kreattiva f’pajjiżna.
Sejjaħ bħala l-aħħar żball kbir – il-fowl tal-Karta l-Ħamra – dwar il-bankarelli tal-monti u t-trasferiment tal-Monti lejn Triq l-Ordinanza qrib il-bini l-ġdid tal-Parlament.
Semma l-mod fqir li bih il-Ministru Cardona rrisponda mistoqsijiet parlamentari b’sentenza waħda li assolutament ma tweġibx dak li kien mistoqsi. Għal mistoqsija jekk rax id-disinji tal-bankarelli, il-Ministru Cardona wieġeb billi irreferih għal tweġiba oħra li trattat Kumitat li l-Ministru kien għamel, u li ma tweġibx il-mistoqsija.
Irrifera wkoll għal mistoqsija oħra parlamentari li għamel lill-Prim Ministru dwar jekk ir-rilokazzjoni tal-monti, il-bankarelli u l-metodoloġija kienx diskuss fil-Kabinett, bil-Prim Ministru jwieġeb biex issir id-domanda lill-Ministru responsabbli. Joe Cassar staqsa quddiem din it-tweġiba li ngħatat, min hu, jekk mhux il-PM, responsabbli mill-Kabinett?
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li dan hu suġġett li l-pajjiż kollu qed jitkellem dwaru u l-pajjiż kollu jaf kif tkellmu l-għaqdiet mhux governattivi, kif ukoll eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista li llum hu Chairman tal-Valletta 2018, Jason Micallef.
Joe Cassar qal li hu evidenti li fid-deċiżjoni tar-rilokazzjoni tal-monti u d-disinn tal-bankarelli, il-Gvern ma kkonsultax man-nies fis-settur, iżda biss mal-bejjiegħa tal-monti, u li ma kellux jikkonsulta biss magħhom. Staqsa fejn hi r-roadmap meta issa hu dikjarat li saret nefqa ta’ madwar elf ewro għal kull bankarella.
Tkellem ukoll dwar l-aspett tas-sigurtà tal-Parlament il-ġdid bid-deċiżjoni li l-monti jarma fi Triq l-Ordinanza u maġenb il-bini tal-Parlament, f’zona li minħabba n-nies li jiġbed monti, ma tistax tikkontrolla x’qed jiġri fiha u madwarha. Appella lill-Gvern jagħraf l-aspett importanti tas-sigurtà kemm għall-Parlament Malti kif ukoll għall-ħaddiema tal-Parlament.
Staqsa x’sar fil-pjani li kien hemm għall-qasam tal-kultura fil-post li fih għadu jiltaqa’ l-Parlament – post li kien immirat biex jitħalla għal skop ta’ ċentru ta’ storja u kultura biss.
Tkelllem dwar it-tliet proġetti kulturali li għandhom ikunu l-vetrina tal-Gvern – iċ-CHOGM, il-presidenza Maltija tal-UE fl-2017 u l-belt Valletta bħala l-Belt Kulturali Ewropea 2018. Staqsa wkoll x’hemm fil-Baġit ta’ din is-sena, għall-pjan ħolistiku biex Malta tibbrilla kif kulħadd jixtieq li tagħmel f’dawn l-avvenimenti importanti u uniċi għal pajjiżna.
Awgura li dan il-pjan ma jiġrilux bħall-pjan li wiegħed il-Gvern għall-edukazzjoni fejn kien qal li hu wkoll, bħall-amministrazzjoni Nazzjonalista, se jibni skola kull sena – liema skejjel wara sentejn għadna ma rajna xejn.
“X’se tkun il-marka li se tibqa’ mfakkra għal dawn l-avvenimenti importanti u x’se jħalli warajh dan il-Gvern lill-poplu?” staqsa d-Deputat Nazzjonalista.
Semma l-proġett li tħabbar dan l-aħħar mill-Gvern għall-industrija tal-Karnival u staqsa jekk hux biss dan il-proġett li se jħalli warajh dan il-Gvern għall-qasam tal-kultura. Semma wkoll proġetti oġħajn li kienu pjanati għall-qasam tal-kultura bħalma hu l-Cutural Hub, Sant Iermu, u l-post tal-biċċerija fost l-oħrajn, u saħaq li dawn il-proġetti, jekk dan il-Gvern jemmen tassew fihom, għandhom ikunu indirizzati u jiċċentraw fl-estimi tal-Baġit. Staqsa wkoll x’qed joffri l-Gvern għall-edukazzjoni u l- kultura, biex joffri futur għal dawk il-ħafna żgħażagħ b’talenti fil-mużika.
Appella għal pjan serju fil-Baġit mifrux fuq numru ta’ snin biex il-poplu jkun jaf kif il-Gvern qed jipproġetta biex imexxi l-pajjiżna ‘l quddiem.
//= $special ?>