Lokali

Gran Mastri u Hot Dogs fi Pjazza de Vallette

Diversi persuni ġibdulna l-attenzjoni jesprimu l-għadab tagħhom għal gabbana tal-ikel li ntramat f’nofs Pjazza de Vallette, prattikament biswit l-istatwa tal-Gran Mastru li ta ismu lill-Belt Kapitali ta’ pajjiżna.

Jidher li l-Kunsill Malti għall-Arti ħareġ il-permessi biex gabbani jarmaw fi Pjazza de Vallette tul il-ġranet tal-Karnival u meta crew ta’ Net Television mar fuq il-post, is-sid tal-gabbana qalet li għandha l-permessi meħtieġa biex il-gabbana tarma fil-pjazza.

Iżda iktar tard matul il-ġurnata, hekk kif l-għadab tal-pubbliku beda jidher fil-miftuħ fuq Facebook u fuq il-kummenti tal-portals tal-gazzetti, il-Ministru responsabbli mill-kultura Owen Bonnici qal li l-gabbana partikolari se tiċċaqlaq minn postha. Filwaqt li kkonferma li Pjazza de Vallette hi fost il-postijiet fejn inħareġ permess biex jarmaw il-gabbani waqt il-Karnival, dan ma kienx ifisser li l-gabbana tarma f’nofs il-Pjazza iżda fil-ġnub. Dan jgħodd ukoll għall-gabbani l-oħra li se jarmaw fis-sigħat li ġejjin.