Internazzjonali

Il-Google tissieħeb fil-ġlieda kontra l-ISIS

Il-korporazzjoni multinazzjonali Google qed tqabbad lin-nies li jafu bl-Għarbi biex jgħinu jrażżmu l-gruppi tal-ġiħadisti Iżlamiċi li qed jużaw is-servizz tal-videos ‘YouTube’ bl-iskop li jrawwmu s-sentimenti radikali fost ir-rekluti ġodda.

B’hekk, Google qed jiġbor miegħu il-‘moderaturi’ minn madwar id-dinja biex jikkontrollaw il-materjal fuq l-Internet. Dan skont pjan biex il-‘YouTube’ ma jinbidilx fi strument għall-militanti li jridu jużawh għall-propaganda, bi skopijiet qattiela.

In-nies wara ‘Google’ m’humiex se jiżvelaw l-ammont tal-kollaboraturi ġodda, iżda s-sorsi qalu li l-korporazzjoni, illum, għandha n-nies li jitkellmu bl-Għarbi fi kwalunkwe ‘time zone’ u li qed jikkonfrontaw it-theddida tal-kontenut radikali.

F’dawn l-aħħar ġranet, film ta’ 22 minuta dwar il-pilota tal-Ġordan, Moaz al-Kasasbeh, qed jinħaraq ħaj ġo gaġġa mit-terroristi tal-ISIS kellu l-ewwel ‘upload’ fuq il-YouTube’ u dam hemm għal xi sigħat qabel tneħħa mill-moderaturi.

Iżda sal-ħin li tneħħa, dan il-film kien diġa qed jiċċirkola fuq Twitter, bl-esperti jemmnu li din it-tattika kellha ‘effett partikolari’ biex tgħin lill-ISIS ħalli jferrex id-duttrina radikali u militanti fost is-sostenituri ġodda tal-grupp.