Lokali

Il-Gvern mistenni jdaħħal 400 taxxa ġdida

Il-Gvern mistenni jdaħħal iktar minn 400 żieda jew taxxa ġdida – taxxi li se jiżdiedu b’medja ta’ 10% u li se jaffettwaw lil numru ta’ servizzi bażiċi bħal servizzi offruti mill-Gvern u servizzi tal-Qrati.

Fost dawn hemm ukoll taxxi li ma kinux inklużi fil-baġit, imma li issa qed jiddaħħlu mingħajr ma l-Gvern jagħti motivazzjoni għall-implimentazzjoni tagħhom.

Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet immexxija mix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech u l-Kelliem għall- Amministrazzjoni Pubblika Censu Galea fejn intqal li hu ironiku li dawn it-taxxi se jiddaħħlu fl-istess ħin li fil-Parlament qed tiġi diskussa s-simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi u tnaqqis mill-piż tagħhom.

Minflok dawn it-taxxi, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jissaħħu s-servizzi offruti online. Dan meta pajjiżna fl-aħħar snin seta’ jiftaħar li l-pjattaforma tas-servizzi tal-Gvern online ntagħżlu bħala l-aqwa fl-Unjoni Ewropea.

Claudio Grech qal li għandu jkun hemm working group mal-korpi kostitwiti, is-servizzi li llum diġa’ huma elettroniċi għandhom jitraħħsu biex titnaqqas il-burokrazija u l-Gvern idaħħal miri li kull dipartiment tal-Gvern joffri s-servizzi tiegħu online.

Fakkar li b’dawn it-taxxi ġodda, il-Gvern qed iżid spiża u allura jnaqqas il-kompetittivita’, minflok juża platforms diġitali lesti u li allura mhux se jiswewh flus.

Minn naħa tiegħu Censu Galea fakkar kif fid-diskors tal-baġit, minkejja li kien tant twil, din il-liġi ssemmiet biss fi tliet linji. Tliet linji dwar liġi li dwarha ma saritx konsultazzjoni u li diġa’ qajmet reazzjoni mill-Għaqda Produtturi tal-Inbid, Għaqda tal-fish farms u l-Kamra tal-Kummerċ.

Censu Galea qal li deputati fil-Parlament lanqas biss jafu fuq xiex se jivvutaw, filwaqt li kompla li hu ċert li membri tal-Gvern se jivvutaw favur din il-liġi li se żżid taxxi fuq kull settur f’pajjiżna.

Fisser kif dawn it-taxxi se jħallu effett fuq kif jiġu mpjegati ħaddiema u kif prodotti lokali se jikkompetu ma’ prodotti barranin. Għalhekk talab lill-gvern li l-affarijiet isiru b’mod iktar maħsub u korrett.

Appella lill-Gvern li jwaqqaf tassazzjoni li qed tiddaħħal u l-ewwel jara l-impatt li dawn it-taxxi se jħallu qabel ikompli għaddej bil-pjan tiegħu.