Lokali Qorti

Il-każ ta’ żewġ negozjanti akkużati li ppruvaw jinfluwenzaw proġett ta’ €18.5 miljun f’Pender Gardens

George Borg jgħid li l-kuntratt ta’ Pender Gardens’ kien “tiegħu” bis-CEO jiċħad.

Meta kompliet il-kumpilazzjoni taż żewġ negozjanti mixlijin li ppruvaw jinfluwenzaw rebħ ta’ tender f’Pender Gardens, George Borg, li rrapporta l-każ qal li t-tender kien rebħu hu permezz tal-kumpanija tiegħu G&P Borg flimkien ma’ żewġ “sub contractors”, madankollu l-Kap Eżekuttiv ta’ Pender Place, Peter Diacono qal li l-favoriti għar-rebħ tat-tender dejjem kienu JAM ta’ Attard Brothers u wieħed mill-akkużati Josef Dimech, u fil-fatt kien ingħata lilu, t-tieni kien ġie Elbros u George Borg it-tielet.

Xhud ieħor, Edmond Gatt Baldacchino iċ-Chairman ta’ Pender Group, qal li minħabba l-investigazzjoni tal-Pulizija u inkjesta nterna li kellha ssir fi ħdan il-grupp, spiċċaw iħallsu €6,000 interessi kuljum għal perjodu ta’ żmien. Huwa qal li l-kuntratt li raha lil grupp ta’ Michael Attard u Josef Dimech jirbħu t-tender kien iffirmat fit-28 ta’ Awwissu li għadda.

“Kont naf li l-kuntratt tat-tieni fażi ta’ Pender Gardens kien prattikament mirbuħ minni fejn jien miegħi kelli żewġ “subcontractors”. Dan għax is-sidien tal-proġett bdew jibgħatu għalija u jgħiduli biex nagħtihom aktar informazzjoni. Meta jiġri hekk f’dan ix-xogħol ikun jindika li rbaħt il-kuntratt. Madankollu skantajt kif fid-29 ta’ Mejju li għadda l-ewwel ċempilli Josef Dimech li kellimni u qalli biex jidħol miegħi għax jien kont irbaħt il-kuntratt.
“Din ma ħadthiex bi kbira għaliex diġa kelli idea dwar dan, imma li rajt stramba kienet kif dan kien jaf kemm tfajt l-offerta, kien jaf ukoll l-offerti taż-żewġ “bidders” l-oħrajn. Talabni biex inħdaħħal lilu miegħi u nneħħi ż-żewġ “sub-contractors” l-oħrajn.

“Dimech, li ili nafu u ħdimt miegħu kien ġie jkellimni d-dar għall-ħabta tad-9.00 a.m. Aktar tard xi nofs inhar irċevejt telefonata oħra mingħand persuni “unknown” li ried ikellimni, ltqajt miegħu tas-Sliema u dan qallu li huwa Direttur ta’ Pender Place, u qalli li jismu George. Jien għedt li xi ħadd kien żvela kollox minn Pender, bżajt u mort ngħid dan kollu lill-Pulizija li bdiet tinvestiga.”

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ George Borg, kuntrattur tal-kumpanija G&P Borg, ,li tisab ta’ l-Ibraġġ. Huwa kien qed jixhed fil-każ taż-żewġ negozjanti li għaddejjin proċeduri kriminali fil-Qorti akkużati li għamlu attentat biex jinfluwenzaw proġett li jiswa’ madwar €18.5 miljun, u li huwa parti minn fażi oħra tal-proġett Pender Gardens f’San Ġiljan.

Josef Dimech ta’ 35 sena, Direttur ta’ kumpanija, u li huwa minn Ta’ Xbiex u Pierre Mercieca ta’ 55 sena, minn Ħ’Attard u li huwa “self employed”, qegġdin jiġu mixlijin li wegħdu xi ħaġa bil-ghan li jeżerċitaw influwenza mhux xierqa għalihom jew għal ħaddieħor.

F’dan il-każ Dimech huwa allegatament il-persuna kompliċi, imma skont il-liġi f’każ ta’ ħtija l-kompliċi jiġi kkundannat l-istess piena daqs l-awtur. Sadanittant Mercieca huwa l-istess negozjant li fl-2007 kien ġie mixli fuq irregolaritajiet fuq l-aġġudikazzjoni tas-sistema tal-installazzjoni tal-IT ta’ l-isptar Mater Dei.

F’dak il-każ, Mericeca kien jaħdem part-time għal wieħed minn dawk li kienu tefgħu l-offerta u kien ġie mixli li kkorrompa lil Noel Xuereb, membru tal-Bord tal-aġġudikazzjoni. Dan il-każ għadu wieħed pendenti sa issa.

George Borg kompla jgħid li huwa kien involut f’dan it-tender tat-tieni fażi tal-proġett, dak magħruf bħala taż-żewġ torrijiet – T1 u T2. Huwa qal li x-xogħol kellu jikkonsiusti f’kollox, mill-bidu sa l-aħħar, bini, dawl, ilma, madum, aluminium, f’kelma waħda, kull ma jkun jonqos l-għamara.

Meta fl-aħħar bdew jibgħatu għalih wara li għamel id-“design”. Wieħed irid ukoll iżomm mat-“time frame”. Borg qal li kien jaf li l-aħħar tlieta li ġew “short-listed” għat-tender kienu hu, Attard Brothers u Elbros. Tenna li fid-29 ta’ Mejju li għadda għall-ħabta tas-7.30 a.m. kien ċempillu l-akkużat Josef Dimech, li jaħdem fil-ħadid u li għandu kumpanija, u li kemm il-darba ħadem miegħu.

Dimech qallu li ried ikellmu, u hu qallu li jista’ jmur għandu d-dar. L-akkużat hekk għamel u għall-ħabta tad-8.45 a.m. Dan qallu , “l-ewwel ġejt int, it-tieni tal-Elbros u t-tielet ta’ Attard Brothers, int tieħu biss il-kuntratt jekk iddaħħal lili miegħek u tneħħi lis-“subcontactors” li għandek”.

Ix-xhud qal li hu nħasad hawn għax mhux sew li wieħed jonfoq dawk il-flus kollha, imbagħat twaddbu l-barra. Borg ikkonferma li meta Dimech qallu li tiegħu kienet €18.5 million, tal-Elbros €19.5million u ta’ Attard €21.4. Borg qal li hu biss kien jaf mill-kumpanija tiegħu kemm teffagħha. Allura bilfors kien hemm xi ħadd minn ġewwa li ħareġ l-informazzjoni. Qal li lil Dimech kien qallu li se jaħsibha u dan kellu jerġa’ jċempillu.

Huwa qal dak inhar tad-29 ta’ Mejju, aktar tard kien ċempillu persuna li ried jiltaqa’miegħu għand tat-Taljan fuq xi ħaġa mportanti – u dan qallu biex jiltaqgħu għand it-Taljan. Hu fehem li dan huwa l-istess wieħed li hemm fejn il-“pitch” tan-Neptunes. Hu baqa’ jistenna, f’xi ħin ċempillu l-persuna li riedet tiltaqa’ miegħu, u qaltlu biex ifittex imur, għax kien tas-Sliema ui mar Tas-Sliema.

Dan qallu li jismu George, u qallu l-istess affarijiet li qallu Dimech, anzi qallu wkoll biex jgħolli t-tender b’€400,000 u jagħti €60,000 lis-“subcontractors”, xi ħaġa li qal li raha stramba u li ma setax jagħmel. Qal li dan ma kienx George xejn iżda kien l-akkużat Pierre Mercieca. Huwa qal li wara mar għand il-Pulizija fejn anke għaddielhom il-filmati tas-CCTV li huwa għandu mad-dar tiegħu, fejn hawn tidher ukoll id-diskussjoni ma’ Dimech.
Minn naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv, Peter Diacono qal li dawn kien u jaf u min kienu.

Dawn kienu bejn tlieta, kienu jiltaqgħu u jiltaqgħu bejniethom kollha, kienu jafu lil xulxin. Qal li kważi kulħadd kien jaf fejn kien qiegħed, anke fid-data imsemmija ta’ Mejju. Qal li mal-“prefered bidder” l-unika xi ħaġa li kien hemm problema fuqha kien is-“Civil Works”.

Dwar Borg, qal li l-kumitat ta’ aġġudikazzjoni qatt ma kienu kuntent bis-“subcontractors” tiegħu. Hu l-fatt li kien waħda fil-biċċa, dan ma kellux is-saħħa mixtieqa.

Xehed ukoll Carmelo Gatt Baldacchino, negozjant ta’ kumpanija tal-familja, sidien tal-kumpanija United Group li għandha interess f’Pender Group, u fil-fat dan huwa ċ-Chairman tagħha. Dan ikkolabora ħafna mix-xhieda ta’ Peter Diacono.

Qal li l-kumitat tal-aġġudikazzjoni ma kienx konvint li l-kumpanija ta’ Borg kienet se twassal għal proġett finali u huma qatt ma ħadmu ma’ Borg. Kienu ħadmu iżda ma’ Attard u ma’ Dimech u anke ma’ Elbros b’mod separat. Bħal Diacono, ix-xhud qal li jaf lil Dimech imma m’għandu l-ebda idea fuq l-akkużat l-ieħor.

L-Avukati Kathleen Grima u Arthur Azzopardi qegħdin jidhru għal Mercieca filwaqt li l -Avukat Joe Giglio qed jidher għal Dimech. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qegħdin jidhru għan-nom ta’ Borg.