Il-Parlament ta’ Puerto Rico se jkun qed jiddiskuti abbozz ta’ liġi li, kif jidħol fis-seħħ, jippermetti biex ġenituri ta’ tfal obeżi jiġu mmultati sa massimu ta’ $800 jew €707 jekk uliedhom ma jonqsux mill-piż.
Skont is-Senatur Gilberto Rodriguez, il-liġi qed tfittex li ttejjeb is-saħħa fit-tfal u tgħin lill-ġenituri biex jagħmlu għażliet favur is-saħħa.
Jekk tgħaddi l-liġi, l-għalliema fi skejjel pubbliċi se jkunu obbligati jirrappurtaw każijiet ta’ tfal obeżi li jiġu riferuti lil counsellor jew social worker, skont kemm ikun gravi l-każ. Il-każ imbagħad jgħaddi f’idejn ħaddiema mid-Dipartiment tas-Saħħa li jevalwaw jekk l-obeżità hix kaġun ta’ stil ħażin ta’ ħajja u ikel mhux xieraq, jew jekk hix kundizzjoni medika.
It-tifel jew tifla mbagħad jiġu ċċekkjati mill-ġdid wara sitt xhur, u jekk ma jkun hemm ebda titjib fil-kundizzjoni tas-saħħa bejn sitt xhur u sena, il-ġenituri jiġu mmultati bejn $500 u $800.
Diversi tobba fi Puerto Rico kkritikaw din il-liġi, inkluż il-president tal-fergħa fi Puerto Rico tal-akkademja Amerikana tal-Pedjatri, għax saħaq li ma tkunx liġi ġusta.
//= $special ?>