Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, qal li l-kontinġent tat-truppi Amerikani – ħlief għal 100 suldat – se jirtira mil-Liberja sal-aħħar ta’ April. It-truppi inkwistjoni jinsabu fl-inħawi biex jgħinu jrażżnu l-firxa tal-Ebola u meta fil-Liberja kien hemm talanqas 2,800 militar Amerikan waqt l-eqqel tal-epidemija.
Il-kummenti ta’ Obama jsegwu l-aħbar li l-każi ġodda tal-Ebola żdiedu għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, wara perijodu fejn l-awtoritajiet irreġistraw ‘tnaqqis inkoraġġanti’ fl-inċidenza tal-virus.
Intant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tgħid li s-Sierra Leone irreġistrat 76 fost il-144 ‘każi ġodda’ tal-Ebola, waqt li feġġew 65 każ ġdid fil-Guinea u ‘tliet każi ġodda’ fil-Liberja.
Min-naħa tiegħu, Obama – li kien qed jitkellem f’Washington – tenna li l-Gvern Amerikan qed ‘jirreaġġixxi fuq livell akbar kontra l-virus minn aspett ċivili’. Dan ukoll waqt li għandu jonqos il-kontinġent militari fil-Liberja.