Paul Sheehan, l-eks xufier tal-Ministru Manuel Mallia, li għandu 40 sena mill-Gżira, u jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil tal-Iskoċċiż Steve Smith fid-19 ta’ Novembru li għadda, għażel li ma jixhidx fil-kumpilazzjoni ta’ l-istess Smith u dan biex ma jinkriminax lilu nnifsu.
Sheehan kellu jkun ix-xhud prinċipali meta l-Ħamis wara nofs inhar kellhom jitkomplew jisntemgħu l-provi fil-każ ta’ Smith, li qed jiġi mixli li fid-19 ta’ Novembru li għadda, saq b’mod perikoluż waqt li kien fis-sakra, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li kien ta’periklu għal ħaddieħor u li qabeż il-limiti tal-alkoħol, fost affarijiet oħra.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli infurmat lil Sheehan skont il-liġi li huwa għandu d-dritt li ma jixhidx u dan għax b’dak li huwa jgħix fuq il-pedana tax-xhieda jista’ jitfa’ l-ġebla fuq saqajh fil-każ tiegħu.
F’dan il-każ xehed l-Ispettur Jesmond Micallef , li qal li fl-20 ta’ Novembru 2014 kien preżenti għall-istqarrija li ta Stephen Smith dwar x’jiftakar x’seħħ ġurnata qabel. Smith kien qal li kien qiegħed bil-karozza u mar jieħu flixkun birra mill-ħanut Black Gold fil-Gżira.
Wara ltaqa’ mal-mara tiegħu u xi ħbieb u xorbu wkoll xi inbid u kielu wkoll. Aktar tard mar biex jixtri xi affarijiet f’ħanut fil-Gżira u jiftakar li laqat mera tal-ġenb ta’ karozza Mercedes. Aktar tard kien twaqqaf minn karozza oħra u ħarġet persuna li kellha arma f’idejha. Dan kien raġel li beda jgħajjat miegħu.
Smith kien qal li telaq jiġri u kif telaq minn Triq Edgar Bernard sema’ żewġ tiri jiġu sparati, u hu kompla jaħrab u baqa’ sejjer fid-direzzjoni tal-Universita’ f’tal-Qroqq. Huwa qal li dak inhar kien sar it-test tan-nifs fuqu fejn dan kien immarka 109. Smith kien għamel talba biex ikellem lill-Avukat Manwel Mallia, dakinhar Ministru, imma minħabba kunflitt ta’ interess dan ma setax.
Smith kien qal fl-istqarrija li l-persuna li sparat lejh ma qaltlux li kien Pulizija u li kien liebes pajżan. Lanqas biss wissieh li kien se jispara. Smith qal ukoll lill-Pulizija li ma kellu l-ebda flixkun f’idejh. L-Ispettur Jesmond Micallef ippreżenta mappa tal-google fil-Qorti fejn indika fejn ġara l-impatt tal-isparaturi, fejn hu mmarka li kien f’Wied il-Kappara filwaqt li Smith baqa’ jinsisti li l-każ seħħ f’Misraħ Turu Kolombo.
Waqt il-kontro-eżami tal-Avukat Joseph Giglio, l-Ispettur Micallef ikkonferma li Smith kien straħ meta raha l-Pulizija jaslu fuq il-post, imma wara ħa xokk meta dawn l-istess Pulizija arrestawh, meta hu kien il-vittma u mhux l-agressur.
Wara xehed il-Kuntistabbli Malcolm Sammut li huwa stazzjonat mal-RIU. Qal li mar fuq il-post fid-19 ta’ Novembru wara li kien infurmat li tard bi-lejl kien hemm karozza milquta u li kienu sparati xi tiri fl-akkwati tal-pixxina.
Huwa qal li hemm dawn raw żewġ toqob fil-“bumper” u s-saqaf ta’ fejn il-“windsreen”. Huwa qal ukoll li kien hemm flixkun tal-birra Heineken u nnota wkoll flimkien ma’ sieħbu, li kien hemm “iphone abjad”.
Sammut qal li l-flixkun kien fil-“Cup holder” tal-karozza. Tenna wkoll li Smith deher b’għajnejn ħomor ħodor u ħamrani ħafna. Ikkonferma li l-flixkun tal-birra kien magħmlul pulit.
Sadanittant il-Maġistrat Aaron Bugeja li qed jisma’ l-każ ta’ Sheehan laqa’ t-talba tiegħu biex hu jkun jista’ jsiefer bejn il-25 ta’ Marzu u t-3 ta’ April li ġej fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Il-każ ikompli fl-10 ta’ Marzu fin-12.30 p.m.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Alexandra Mamo u mill-Ispettur Jonthan Ransley. Għal Smith qegħdin jidhru l-Avukati Joe Giglio u James D’Agostino.