Lokali

L-Oppożizzjoni tressaq il-kuntratt quddiem il-PAC

L-Oppożizzjoni, permezz tax-Shadow Minister Jason Azzopardi u l-kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus, bagħtet ittra lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, sabiex dan jinvestiga l-allegat każ ta’ ksur ta’ kuntratt pubbliku bejn il-Gvern u l-General Workers Union.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Jason Azzopardi fakkar li dan mhux biss ksur ta’ kuntratt pubbliku kwalunkwe, iżda kuntratt pubbliku li kien approvat b’riżoluzzjoni fil-Parlament fil-31 ta’ Ottubru tal-1997 li fih kien speċifikat li l-GWU ma tistax tikri jew tbiegħ il-binja tagħha fil-Belt Valletta lil entita’ li hi m’għandhiex iktar minn 51% tal-ishma tagħha. Il-GWU qed tikri parti mill-binja tagħha lil ARMS Ltd

Jason Azzopardi qal li dan il-kuntratt iqajjem numru ta’ mistoqsijiet, fosthom x’kien il-parir tal-Kummissarju tal-Artijiet, dejjem jekk kien konsultat, min fid-Diviżjoni tal-Propjeta’ tal-Gvern u fl-Ufficcju tal-Prim Ministru huma nvoluti u jekk il-kuntratt hux qed jinkiser ukoll fil-konfront ta’ terzi.

Tenna li l-Gvern issa wasal fi stadju li jippermetti ksur tal-kuntratti tiegħu stess.

Min-naha tiegħu, Ryan Callus qal li d-Dipartiment tal-Artijiet suppost hu l-gwardjan tal-art pubblika u d-dmir tiegħu hu li jara li ma jsirx abbuż.

Kompla li dan hu każ ieħor skandaluż marbut ma’ art pubblika wara l-każ tal-Australia Hall f’Pembroke, li fih il-Gvern Laburista waqqa’ kawża kontra l-Partit Laburista, u l-każ tal-Café Premier fil-Belt Valletta, fejn il-Gvern ta bailout ta’ €4.2 miljun lil sidien privati li kienu kisru l-kundizzjonijiet tal-kuntratt.

Ryan Callus staqsa għalfejn il-GWU mhux qed issemma’ leħinha kontra l-Gvern ta’ Joseph Muscat li qed jikser il-wegħda tiegħu stess mal-ħaddiema tal-Enemalta, li kienu mwiegħda li mhux se jinbidlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-take home pay.