Lokali Qorti

L-Orizzont mhux ħati li mmalafama lil Vince Farrugia

Il-ġurnal tal-General Workers Union, l-orizzont ma nstabx ħati li mmalafama lill-eks-Direttur Ġenerali tal-GRTU Vince Farrugia wara li l-Maġistrat Francesco Depasquale li sema l-kawża ta’ libell qal li l-editorjal li Farrugia ilmenta dwaru kien kumment dwar fatti li seħħew. Farrugia kien ħassu malafamat bl-editorjal “L-isfaxxar ta’ ‘frame up’” ippubblikat fil-ħarġa tal-25 ta’ April 2012 u ppreżenta libell kontra l-Editur tal-ġurnal Josef Caruana fil-Qorti tal-Maġistrati.

L-editorjal kien jittratta d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li jibdel l-akkuża fil-konfront ta’ Chetcuti minn waħda ta’ attentat ta’ qtil għal waħda ta’ attentat ta’ feriti gravi fuq Farrugia. Il-Maġistrat Edwina Grima, illum Imħallef, ma kienitx sabet lil Chetcuti ħati ta’ attentat ta’ qtil u lanqas ta’ ferita gravi, imma biss kienet sabet lil Chetcuti ħati ta’ feriti ħfief fuq Farrugia.

Il-Qorti kienet anke ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lill-istess Farrugia u xhieda oħra biex jara kisrux il-liġi. Dwar dan Sandro Chetcuti, residenti Wied il-Għajn, għamel ukoll sfida fil-Qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija biex jittieħdu passi kontra Vince Farrugia.

Fl-editorjal ingħad fost oħrajn li l-“każ misterjuż ta’ kif Sandro Chetcuti ġie akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Vince Farrugia, id-Direttur Ġenerali tal-GRTU, għandu kull ingredjent neċessarju għal ‘frame-up’ ċar” u jiddeskrivi lil Chetcuti bħala l-“veru vittma”.

Fl-affidavit li kien ippreżenta fil-kawża tal-libell, Farrugia qal li “ħrafa bħal din fil-ġurnaliżmu Malti rari taraha u l-intenzjoni ċara u tonda li mhux biss biex tinġurja, timmalafama u tagħmilli ħsara kbira fil-pożizzjonijiet li nokkupa kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa imma li tuża l-każ biex ixewwex politikament għas-skapitu tiegħu. L-editorjal huwa espożizzjoni mill-aktar baxxa tal-agħar ġurnaliżmu Malti”.

Minn naħa tiegħu l-Maġistrat Depasquale ikkonkluda li l-informazzjoni li Caruana semma fl-editorjal tiegħu meta stqarr li l-akkużi kontra Sandro Chetcuti kienu qed jiġu mnaqqsa minn waħda ta’ attentat ta’ qtil għal waħda ta’ attentat ta’ feriti gravi kienet korretta.

Huwa rrefera wkoll għall-ilment ta’ Farrugia li kien hu l-“veru vittma” billi qal li għalkemm il-Qorti tal-Maġistrati ma indikatx lil Chetcuti bħala vittma kif saħaq l-editur jirriżulta li hija qalet li mhuwiex korrett li persuna tiġi akkużata b’offiżi aktar gravi minn dawk li attwalment seħħew.

Il-Maġistrat Depasquale semma wkoll kif Farrugia ħassu malafamat bl-allegazzjoni li huwa kien involut fi ‘frame-up’ fil-konfront ta’ Chetcuti u waqt li rrefera għas-sentenza li ngħata Chetcuti qal li fiha jissemma kif Farrugia għamel sforzi biex isir ‘a trial by the media’ billi ikkuntattja diversi ġurnalisti u saħansitra ivvettja l-artikoli li kienu se jiġu ippubblikati u l-kummenti li kienu se jidhru.

Waqt li iddeskriva lil Farrugia bħala persuna pubblika u politika u għalhekk soġġetta għall-kritika ferm aktar ogħla minn dak applikabbli għal ċittadin komuni, il-Maġistrat Depasquale iddikjara li ġurnalist għandu jitqies bħala ‘public watchdog’ fejn xogħlu huwa li jgħarraf liċ-ċittadin bil-fatti relatati ma’ persuni pubbliċi li huma ta’ interess pubbliku.

Il-Qorti għalhekk iddeċidiet li l-artikolu bħala wieħed mhux malafamanti peress li ma huwa xejn aktar minn kumment dwar fatti sostanzjalment veri relatat ta’ aġir ta’ persuna pubblika u għalhekk ċaħad it-talba tal-eks-Direttur Ġenerali tal-GRTU biex jiġi kumpensat għad-danni.