Lokali

Miċħuda l-applikazzjoni biex il-monument tal-kavallieri jitpoġġa fid-daħla tal-Belt

Ftit tal-minuti ilu ittieħdet deċiżjoni li fiha ġiet miċħuda proposta taċ-Chairman tal-Korporazzjoni ta’ Riġenerazzjoni għall-inħawi tal-Port il-Kbir, Stefan Zrinzo Azzopardi, biex il-monument tal-kavallieri jitqiegħed biswit id-daħla tal-Parlament il-ġdid. Id-deċiżjoni ttieħdet b’10 membri kontra u tliet membri favur, fosthom ir-rapreżentant tal-Gvern fuq il-bord tal-Mepa, il-Membru Parlamentari Laburista Joe Sammut.

AKtar kmieni …

Il-MEPA se tkun qed tiddeċiedi, illum fis-2 p.m., dwar il-monument tal-bronż li dwaru hemm applikazzjoni biex jitqiegħed fid-daħla tal-Belt Valletta.

Waqt li l-Kumitat li jagħti pariri dwar il-Wirt Kulturali jidher li għandu riservi, għax il-monument ma kienx parti mill-proġett oriġinali tad-daħla tal-Belt, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali m’għandha ebda objezzjoni għat-tqegħdin tal-monument mal-ħajt tad-daħla tal-Belt, faċċata tal-Parlament il-ġdid, qabel it-taraġ li jwassal għat-triq ta’ fuq.

Il-monument, disinjat mill-artist Għawdxi John Grima, hu tal-forma bas relief, jiġifieri li d-dahar tiegħu jkun ċatt u jserraħ mal-ħajt, bħal li kieku ħiereġ mill-istess ħajt. Mistenni jitqiegħed fuq bażi tal-ġebel tal-qawwi u jkollu għoli ta’ 2.7 metru.

Il-MEPA mistennija tapprova t-tqegħid tal-monument, li d-Direttorat tagħha jistma li hu konformi mal-istil kontemporanju tad-daħla l-ġdida tal-Belt Valletta. Fl-istess ħin, fil-laqgħa tagħha llum waranofsinhar, mistennija tiċċara jekk il-monument hux se jkun bas relief kif saret l-applikazzjoni għalih s’issa, jew inkella jekk hux se jkun maqlugħ kompletament ’il barra, kif jidher li aċċennat komunikazzjoni riċenti mal-perit tal-applikazzjoni.

Il-monument, li kien ġie kkummissjonat mill-Gvern preċedenti, kien oriġinarjament intiż biex jitqiegħed fi Pjazza De Valette, li nħolqot bit-twaqqiegħ ta’ bini biswit il-knisja ta’ Santa Katerina tal-Italja. Ix-xahar li għadda, iċ-Chairman tal-Korporazzjoni ta’ Riġenerazzjoni għall-inħawi tal-Port il-Kbir, Stefan Zrinzo Azzopardi, issottometta applikazzjoni l-MEPA biex il-monument jitqiegħed biswit id-daħla tal-Parlament il-ġdid.

B’rabta ma’ din in-naħa tal-Belt, bħalissa għaddejja l-kontroversja dwar iċ-ċaqlieq tal-imwejjed tal-monti, li l-Gvern irid iqiegħed fi Triq l-Ordinanza u li jkomplu biswit it-teatru l-miftuħ. F’intervista ma’ maltarightnow.com, ilbieraħ il-Perit Richard England qal li “tkun traġedja kbira jekk il-monti jmur fejn it-Teatru jew fejn il-Parlament”.