Kurżitajiet

Offerta ta’ 4.6 miljun sterlina għall-ħabel li ntuża fl-esekuzzjoni ta’ Saddam

Il-ħabel li ntuża fl-esekuzzjoni ta’ Saddam Hussein, l-eks-dittatur tal-Iraq, qed jixpruna ‘gwerra tal-offerti’ — bl-aħħar offerta ta’ flus mingħand xerrej potenzjali taqbeż l-4.6 miljun lira Sterlina.

Il-ħabel ‘tal-miljuni’ hi l-proprjeta ta’ Dr Mowaffak al-Rubaie, eks-konsulent dwar is-sigurta nazzjonali fl-Iraq u li kien mexxa lil Saddam lejn il-forka.

Fl-aħħar jiem kienu dehru r-ritratti fuq l-Internet ta’ al-Rubaie waqt li qed jippoża fid-dar tiegħu fl-Iraq u fejn spikka l-ħabel inkwistjoni li deher imdendel ma’ bust tal-eks-dittatur Iraqi.

Sadanittant, numru ta’ nies, fosthom negozjanti mill-Kuwajt, familja Iżraeljana sinjura u organizzazzjoni reliġjuża bbażata fl-Iran kollha esprimew l-interess li jixtru dan il-ħabel.

Filwaqt li ħafna nies jistgħu ma jifhmux ‘l-appell makabru’ tal-ħabel, qed jingħad li al-Rubaie mhux kuntent bl-offerti li sarulu s’issa u meta ‘qed jistenna offerta jerġa’ akbar’

Il-katavru ta’ Saddam Hussein jinsab midfun fl-inħawi ta’ Al-Awja, fil-belt Iraqqija ta’ Tikrit.