Lokali

PN: Il-Gvern irid jindirizza t-tnaqqis fl-investiment barrani u l-produzzjoni industrijali

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) illum ippublika xi punti ta’ investiment barrani fejn hemm tnaqqis sinifikanti ta’ 64%. L-informazzjoni tal-Eurostat rilaxxata llum tindika wkoll li Malta rreġistrat l-akbar tnaqqis fl-Industrija tal-Produzzjoni, it-tieni fl-UE biss wara l-Greċja. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li dawn jeħtieġu spjegazzjoni mill-Gvern.

L-informazzjoni li ħarġet l-NSO turi li l-investiment barrani f’Malta fl-ewwel nofs tal-2014 niżlet bi 2.7 biljun euro. Id-data rilaxxata tirrifletti waqgħa f’numru t’attivitajiet ekonomiċi rrapurtati mill-NSO, inklużi l-manifattura, is-servizzi finanzjarji, l-attivitajiet professjonali, attivitajiet tekniċi u attivitajiet oħra.

Din l-informazzjoni titfa dubju fuq dak li qed jgħid il-gvern, li l-pajjiż qed jirnexxielu jattira ammont rekord ta’ investiment barrani u din teħtieġ spjegazzjoni mill-Gvern fuq il-kawża tal-waqgħa irreġistrat fl-investiment dirett barrani fl-2014.  Dan it-tnaqqis huwa tassew ta’ tħassib lill-Gvern . Stħarriġ riċenti mwettqa’ mill-EY is-sena l-oħra jgħid li l-investituri  naqsu l-interess f’investiment ġdid. Il-Gvern jeħtieġ li jindirizza dan it-tħassib aktar milli jikkuntenta ruħu b’xi investiment waħdieni l-hemm u ‘l hawn.

Fi stqarrija tal-Eurostat separata li ħarġet illum, Malta rreġistrat tnaqqis sostanzjali ieħor fil-produzzjoni industrijali. Mill-informazzjoni li ħarġet hija wkoll qalgħet li dan it-tnaqqis huwa t-tieni l-akbar fl-Unjoni Ewropea, bl-uniku pajjiż li jaqbeż il-Malta huwa l-Greċja.

L-informazzjoni li ġiet maħruġa llum għandha isservi biex il-Gvern jirrealizza li hemm bosta oqsma li jeħtieġu li jiġu indirizzati mill-aktar fis. Jekk il-Gvern irid li jirrifjuta li jagħtu widen għas-sejħa tal-Oppożizzjoni, huwa għandu tal-inqas jisma’ l-preokkupazzjonijiet mill-organizzazzjonijiet bħall-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija, l-GRTU u l-Forum tal-Unions Maltin.

nsoo