Kurżitajiet

Se jagħlqu r-raħal għax ir-residenti qed jorqdu diversi jiem

Raħal fil-Każakistan se jingħalaq u r-residenti se jiġu mċaqilqa kollha ’l barra wara li fl-aħħar ix-xjentisti sabu l-kawża għaliex persuna minn kull ħamsa kienu qed jispiċċaw jorqdu diversi jiem, b’“marda” li kienet qed tinfirex fost kulħadd.

L-ewwel każ seħħ f’April tal-2010 meta mara raqdet fit-tul ħabta u sabta u t-tobba kkkonkludew li kienet qed tbati minn forma ta’ stroke. Imma meta ma baqgħetx l-unika każ, bdew it-testijiet li fl-aħħar sabu li r-raġuni kienet waħda ambjentali.

Hemm gass partikolari, bla riħa, bla togħma u bla kulur, li jinsab f’dawk li kienu mini taħt l-art u li peress li mtlew bl-ilma bdew itellgħu l-gass lejn wiċċ l-art.

L-effett hu wieħed tossiku, ta’ għejja kbira u sturdament kbir sakemm il-persuna torqod, anke għal diversi jiem bla ma tqum.

Is-sajf li għadda, 60 persuna ttieħdu l-isptar ibatu minn din il-kundizzjoni. Il-biża’ fost il-popolazzjoni hi li jorqdu kollha u li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar. Għalhekk l-awtoritajiet qed jaħsbu biex jagħlqu r-raħal, li tlaqqam Sleepy Hollows, u jċaqilqu lis-600 resident f’inħawi differenti għax soluzzjoni fit-tul kontra dan il-gass ma jidhirx li hemm.