Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħeġġeġ lil mexxejja ta’ pajjiżi tal-UE biex jaġixxu dwar il-Libja qabel ikun tard wisq. Dan wara rapporti li l-organizzazzjoni terroristika ISIS ħatfet it-tieni belt fil-pajjiż, Nawfaliya fid-deżert, wara li iktar kmieni ħadet il-kontroll ta’ Derna.
Simon Busuttil għamel dan l-appell waqt il-laqgħa tal-mexxejja ta’ partiti li jiffurmaw parti mill-Partit Popolari Ewropew, li ssir bi tħejjija għas-summit tal-mexxejja kollha tal-pajjiżi tal-UE.
Il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-preżenza tal-militanti tal-Istat Iżlamiku fil-Libja jfisser li dawn waslu sal-għatba tal-pajjiżi membri tal-UE, għalhekk ħeġġeġ lill-bqija tal-pajjiżi Ewropej biex jaġixxu issa qabel ikun tard wisq. Simon Busuttil appella biex il-Patt dwar it-Terroriżmu, li tfassal mill-Partit Popolari Ewropew, jiddaħħal fis-seħħ. Dan bit-tama li l-pajjiż ġar ta’ Malta ma jispiċċax kollu kemm hu f’idejn din l-organizzazzjoni terroristika.
Waqt il-laqgħa, Simon Busuttil tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-Greċja u nsista li r-rebħ ta’ elezzjoni fuq dahar min iħallas it-taxxa f’pajjiżi oħra li jużaw il-munita ewro, inkluż Malta, mhux aċċettabbli.
Waqt li tenna li hu favur li jkun hemm solidarjetà mal-Greċja, din għandha sseħħ flimkien ma’ sens ta’ responsabilità. Saħaq li jekk il-Gvern ġdid Grieg mhux lest li jkun responsabbli bi flus ħaddieħor, allura l-bqija tal-pajjiżi għandhom jirringrazzjawh imma jtennu “le grazzi”, u dan b’mod immedjat.
//= $special ?>