Lokali

Storja ta’ traġedja umana

Ftit tal-jiem ilu l-baħar tal-Mediterran reġa mill-ġdid ra traġedja umana hekk kif bosta immigranti rregolari tilfu ħajjithom waqt li kienu qegħdin jipprovaw jaħarbu minn pajjiżhom lejn futur differenti. Storja ta’ traġedja umana li sfortunatament saret wisq komuni fil-baħar Mediterran. Storja ta’ traġedja umana li qegħda titrasforma l-baħar Mediterran f’ċimiterju uman; f’xhud ta’ storja li ma’ tistax ħlief tbikkem lil kull min għandu xrara ta’ rispett lejn l-umanita’.

Huwa ċar li din it-traġedja umana saret waħda ta’ proporzjon hekk kbir li teħtieġ ħidma u politika effetiva mhux biss min dawk il-pajjiżi li qegħdin iġorru mpatt dirett iżda min dawk il-pajjiżi li filwaqt li m’għandhom impatt dirett għandhom juru solidarjeta’ sabiex il-baħar Mediterran ma’ jsirx monument ta’ traġedja bla qies.

L-Unjoni Ewropea s’issa offriet biss sforzi limitati sabiex toffri għajnuna tanġibli dwar l-immigrazzjoni rregolari. Minkejja li huwa ċar li din it-traġedja qegħda dejjem tikber bħal donnu l-Unjoni Ewropea ftit lesta tidħol fil-kwistjoni b’mod dirett.

Saru bosta sforzi politiċi min uħud fi ħdan l-Unjoni Ewropea li qegħdin jgħarfu li s-sitwazzjoni saret waħda urġenti. Bosta esprimew rieda tajba f’dan ir-rigward. Iżda bl-aktar mod ċar hemm bżonn ta’ aktar. Bl-aktar mod ċar għad hemm min hu komdu ma’ jagħmel xejn jew ftit li xejn.

Naturalment huwa mingħajr dubju li pajjiżi bħal Malta u l-Italja jridu jippersistu u jinsistu ma’ l-Unjoni Ewropea li s-sitwazzjoni saret prekarja aktar minn qatt qabel. Dan isir mhux bit-tisbit tas-saqajn jew bl-għajjat u l-insulti. Dan irid isir b’ħidma diplomatika mibnija fuq il-politika ta’ persważjoni li fl-istess ħin tkun ffukata u determinata aktar min qatt qabel li tikseb riżultati diretti.

L-Unjoni Ewropea ssib l-oriġini tagħha fir-rieda li l-Ewropa ma’ terġa qatt tkun l-art fejn iseħħu t-traġedji umani li seħħew fit-tieni gwerra dinjija. L-istess Unjoni Ewropea għandha għalhekk id-dmir mhux biss politiku iżda anke morali li issa wkoll taħdem traġedja umana ta’ forma oħra iżda li wkoll hija qattiela u ser tkompli tkun dejjem iżjed qattiela.

Dan l-obbligu naturalment l-Unjoni Ewropea għandha wkoll twettqu anke f’ġieħ is-sigurta nazzjonali tal-istati membri li qegħdin jaraw impatt dirett. Ċertament il-politika ta’ solidarjeta’ li fuqha hija mibnija l-Unjoni Ewropea ma’ tista qatt tara bħala aċċettabli fejn is-sigurta nazzjonali ta’ xi pajjiżi membri tiġi njorata għaliex stati membri oħra m’humiex qed jaraw impatt dirett.