Lokali Parlament

Taxxi moħbija f’eżerċizzju ta’ propaganda

Ħlasijiet ogħla fejn jidħlu servizzi mir-Reġistru Pubbliku, ir-Reġistru tal-Artijiet u r-Reġistru tal-Qorti

Il-Baġit li tressaq mill-Gvern għal din is-sena kien ittimbrat bħala eżerċizzju ta’ propaganda, li ma jqassamx il-ġid b’mod ġust filwaqt li għall-poplu kien hemm biss il-frak u taxxi moħbija għalkemm qiegħed iġiegħlu jħallas prezzijiet esaġerati fuq il-petrol u d-diesel.

Meta tkellem fl-Parlament fid-dibattitu dwar Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta l-miżuri tal-Baġit, id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi u Kelliem għall-Affarijiet dwar Għawdex, fisser iż-żieda ta’ 58ċ bħala miżera f’baġit li ftit kellu miżuri favur is-settur privat biex joħloq ix-xogħol.

Baġit li ma jaħsibx lanqas favur l-istudenti, l-industrija u li lanqas jaħseb għat-tnaqqis li qed jiġi reġistrat fil-manifattura. Il-bejgħ ukoll qed jonqos kif qed tikkonferma l-GRTU fl-aħħar stħarriġ li ppubblikat.

Semma kif il-baġit ma jagħmilx riferenza għal niċeċ ġodda biex jinħoloq ix-xogħol u jinġieb l-investiment filwaqt li l-Gvern ħalla li jiddaħlu numru kbir ta’ impjiegi mal-Gvern.

Ikkritika lill-Gvern li d-diskors tal-Baġit ħeba l-effetti tat-taxxi li se jwasslu biex il-familji u l-ħaddiema jkollhom anqas flus fil-but.

Semma li mal-lista ta’ taxxi li introduċa l-Gvern fil-Baġit, kien hemm żidiet oħrajn qabel il-baġit bħalma kienu ħlasijiet ogħla fuq il-kirjiet tal-akkomodazzjoni soċjali u l-miżati ogħla tal-eżamijiet tal-MATSEC.

Fisser ukoll kif l-informazzjoni dwar iż-żidiet fil-ħasijiet fuq is-servizzi tal-gvern qed toħroġ biss mill-mistoqsijiet li qed tagħmel l-Oppożizzjoni.

Semma kif żdiedet it-taxxa fuq l-użu tal-mowbajl minħabba żieda fis-sisa tal-Gvern fuq l-użu tal-mowbajls ċellulari, bil-kumpaniji jfissru li ma kien hemm ebda żieda min-naħa tagħhom iżda żidiet fit-taxxa tal-Gvern.

Semma wkoll it-taxxa ġdida fuq il-proprjetà li se jkollha effett negattiv fuq is-suq tal-proprjetà.; iż-żieda għal-liċenzja tal-bennej li żdiedet għal €13; u żidiet oħrajn fis-servizzi mogħtija mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, bl-akbar żieda tlaħħaq aktar minn €50.

Semma wkoll il-miżata għolja fejn jidħlu servizzi mir-Reġistru Pubbliku, ir-Reġistru tal-Artijiet u r-Reġistru tal-Qorti u li diġà għolew b’10% – kollha taxxi moħbija.
Irrifera wkoll għal fatturi oħra li joħorġu minn dan il-Baġit – Baġit li qal li hu off track b’madwar €30 miljun u €40 miljun.

Irrimarka li l-Gvern applika wkoll anqas fondi f’diversi oqsma u qal li dan se jwassal biex il-Gvern ikollu jirrialloka l-qagħda finanzjarja f’diversi setturi, kif kellu jagħmel ukoll is-sena li għaddiet.

Sejjaħ l-attakk tal-Gvern fuq l-istatistika bħala turija li l-Gvern tilef il-kredibbiltà għax saħaq li ħadd ma jista’ jmeri l-istatistika li tindika li l-produzzjoni f’Diċembru li għadda niżlet, bir-realtajiet f’ċertu setturi tal-ekonomija jqanqlu tħassib.

Filwaqt li n-negozju żdied fl-Ewropa, f’Malta kellna tnaqqis. Fisser bħala sfortuna kif il-Gvern qed jirrifjuta li jagħraf li hemm xi ħaġa li mhix miexja ‘l quddiem.

L-Oppożizzjon tilqa’ t-tbassir pożittiv li qed jgħid li għandu l-Gvern għall-pajjiżna, iżda fisser li s-sitwazzjoni preżenti li qed jiffaċċjaw l-industrija, il-familji u n-negozji ma jistgħux jiġu njorati.