Internazzjonali Kurżitajiet

X’jgħidulhom dawk li jibżgħu mill-Ġimgħa 13?

Jekk tibża’ mill-Ġimgħa 13, bħal għada, int wieħed minn dawk meqjus li tbati minn paraskevidekatrijafobija.

Minħabba din il-biża’ kbira ta’ ħafna nies, hemm għadd ta’ kurżitajiet li jeżistu madwar id-dinja.

1. In-numru 13 jevitawh ħafna bini għoli u lukandi li jaqbżu dan in-numru fis-sulari tagħhom, li minn 12 imorru direttament għall-14-il sular.

2. Il-President Amerikan Franklin D. Roosevelt kien jevita li jivvjaġġa fit-13-il jum tax-xahar. Napuljun u l-President Herbert Hoover ukoll kienu jbatu minn din il-fobija.

3. Fi Franza, tista’ tikri s-servizz ta’ persuna li tingħaqad mat-13-il ruħ li jkollok mistiedna biex ma tispiċċax bin-numru ‘sfortunat’.

4. Hemm iktar minn 60 miljun persuna madwar id-dinja li jgħidu li jibżgħu mill-jum tal-Ġimgħa 13. Uħud ma jmorrux għax-xogħol, ma jsuqux karozzi u saħansitra ma joħorġux mis-sodda f’dan il-jum.

5. Skont il-magazine Smithsonian, il-biża’ tan-numru 13 tiswa lill-Amerikani biljun dollaru fis-sena f’assenteiżmu, tħassir ta’ prenotazzjonijiet ta’ vjaġġi bil-ferrovija jew bl-ajru u tnaqqis fil-kummerċ.

6. Parti mir-raġuni għaliex in-numru 13 hu meqjus daqshekk sfortunat hu għaliex jiġi wara t-12, li hu meqjus in-numru “li jikkompleta”, bħat-12-il xahar fis-sena, 12-il siegħa fl-arloġġ, 12 allat ta’ Olimpus, 12-il simbolu żodjakali, 12-il tribu t’Iżrael, 12-il jum qabel il-Milied, 12-il appostlu ta’ Ġesu u 12-il bajda f’tużżana.

7. Charles Manson, Jeffrey Dahmer, John Wayne Gacy, Jack the Ripper – kollha għandhom 13-il ittra f’isimhom.

8. Studju fil-Finlandja skopra li jkun hemm iktar inċidenti fit-toroq li jwasslu għall-mewt, fil-ġranet tal-Ġimgħa 13, imma dan jgħodd biss għan-nisa.

9. Għall-pagani u dawk tal-Antik Eġittu, in-numru 13 hu meqjus wieħed li jġib ir-risq. Għall-pagani, 13 hu n-numru ta’ kemm ikun hemm qamar kwinta fis-sena waqt li għall-Eġizzjani, dawn kienu jassoċjaw in-numru mal-immortalità.

10. Imma għall-Insara, it-13 hu l-iktar sfortunat. L-Aħħar Ċena kellha 13-il mistieden u t-13-il wieħed kien propju Ġuda l-Iskarjota. Għall-Insara, Kristu nqatel fuq is-salib fil-jum tal-Ġimgħa.

11. Fl-istorja seħħew numru ta’ avvenimenti traġiċi fil-jiem tal-Ġimgħa 13. L-għargħar kbir tal-1951 fl-Istati Uniti qered iktar minn 8 biljun metru kwadru ta’ art f’Kansas u qatel 23 persuna. Fl-Asja, nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru tal-1970, 300,000 persuna inqatlu fil-Bangladesh b’maltemp qawwi li wassal għall-mewt ta’ madwar miljun ruħ oħra.

12. Ħafna jistaqsu x’hemm tajjeb dwar il-Ġimgħa 13 – li d-data hi rari, u li sseħħ biss meta x-xahar jibda fil-jum tal-Ħadd.

14. Fl-2015 hemm biss 3 Ġimgħa 13 – dan ix-xahar, f’Marzu u f’Novembru.