Il-każ kien żvelat disa’ snin ilu minn In-Nazzjon
L-allegati fenomini ta’ dehriet tal-Madonna u kif ukoll fenomeni oħrajn inspjegabbli għadhom iseħħu f’Borġ in-Nadur u fid-dar ta’ Angelik Caruana f’Birżebbuġa, fejn numru ta’ persuni qed jesperjenzaw affarijiet mhux spjegabbli. Il-każ madwar l-allegati fenomini jmur lura għall-2006, meta kien żvelat mill-ġurnal In-Nazzjon.
Minn dak iż-żmien ‘l hawn, dawn il-fenomini baqgħu jsiru mhux biss fuq Angelik u membri tal-familja tiegħu, iżda wkoll fuq persuni oħrajn. Jirriżulta li perjodikament Angelik baqa’ jsostni li qed ikollu dehriet mill-Madonna, li ttih diversi messaġġi fuq l-Għolja ta’ Borġ in-Nadur. Riċentament, Angelik qal ukoll li l-Madonna tagħtu lil Ġesù Bambin f’idejh meta kien fuq l-Għolja.
Konsistenti mad-dikjarazzjonijiet li qed jagħmel Angelik Caruana, hemm diversi persuni viċin il-każ li qed isostnu li qed jesperjenzaw affarijiet mhux spjegabbli. Fost l-avvenimenti li qed iseħħu, hemm każi li fihom persuni qed isostnu li qed jaraw l-Ostja ġejja waħedha, filwaqt li koppja oħra ssostni li rat l-Ostja tifforma quddiemha minn xejn f’idejn Angelik. Numru kbir ta’ persuni oħrajn qed jgħidu li raw lil Angelik jitqarben bl-Ostja tifforma minn imkien.
Dawn il-persuni qed jirrakkontaw dawn l-esperjenzi mhux spjegabbli lil diversi persuni oħrajn, bir-riżultat li l-laqgħat ta’ Borġ in-Nadur qed jattiraw lejhom numru kbir ta’ persuni. Il-laqgħat ikunu ffilmjati u miżmuma. Jassistu lil Angelik, lill-familja tiegħu u lill-persuni li qed jesperjenzaw dawn l-affarijiet hemm Saċerdot, li jżomm dettalji ta’ dak li jkun qed iseħħ.
F’filmat partikolari ta’ laqgħa li saret f’ġurnata bix-xita, Angelik sostna li l-Madonna tagħtu l-Bambin Ġesù f’idejh. Iżda fil-mument li Angelik dar bl-allegata tarbija f’idejh, li hu biss ikun qed jara, ix-xita waqfet.
L-allegati dehriet bdew fl-2006 fid-dar ta’ Angelik Caruana, f’Birżebbuġa, meta wieħed mit-tfal tiegħu kien ra demgħat fuq Inkwatru tal-Madonna. Dan il-fenominu infirex fuq wiċċ statwa ta’ Madonna, li l-mara ta’ Angelik kienet xtrat u poġġiet fid-dar. Minbarra d-demgħat tad-demm, minn mal-istatwa beda ħiereġ ukoll likwidu abjad forma ta’ dmugħ, ammont ta’ melħ kif ukoll ammont ta’ żejt.
Għal perjodu qasir wara li bdew iseħħu dawn il-fenomini, l-istatwa tal-Madonna ittieħdet mill-Kurja, iżda wara perjodu din kienet ritornata lill-familja ta’ Angelik. Fid-dar ta’ Angelik f’Birżebbuġa, l-istatwa tal-Madonna llum hi meqjuma f’waħda mill-kmamar, li hi mħollija biss għat-talb.
L-ammont kbir ta’ demm u oġġetti oħrajn, fosthom qalb żgħira u Ostja, illum m’għadhomx mal-istatwa. Madankollu, din għandha żewġ demgħat ma’ wiċċha u tinsab miksija żejt, filwaqt li għandha wkoll ammont ta’ melħ.
//= $special ?>