Lokali

Filmat: Il-Monti m’għandux ikun viżibbli mid-Daħla tal-Belt – Kenneth Zammit Tabona

Iċ-Chairman tal-Kumitat tar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta u artist Kenneth Zammit Tabona reġa’ tenna l-pożizzjoni tiegħu fuq ir-rilokazzjoni tal-Monti fid-Daħla tal-Belt. Hu qal dan waqt telefonata mill-preżentatur David Thake fuq Radio 101.

Kenneth Zammit Tabona spjega li ma jaqbilx li l-Monti jiġi rilokat bejn il-bini tal-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal, filwaqt li sostna li l-Monti m’għandux ikun viżibbli mid-Daħla tal-Belt. Kenneth Zammit Tabona spjega li jixtieq ukoll li l-Monti tal-Belt ma jibqax fi Triq il-Merkanti.

Il-kumment ta’ Kenneth Zammit Tabona jingħaqad ma’ numru dejjem jiżdied ta’ reazzjonijiet negattivi għall-proposta tal-Gvern Laburista … fost oħrajn l-għaqda Din L-Art Ħelwa, il-Fondazzjoni Valletta 2018 immexxija mill-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef, l-Assoċjazzjoni Ewropeja tal-Ibliet, it-Teatru Manoel, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Arti, Heritage Malta, il-Kavallier ta’ San Gakbu, Pjazza Teatru Rjal, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-Periti.

Kummenti oħrajn waslu mill-Perit Richard England, li ddeskriva r-rilokazzjoni tal-Monti bejn il-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal bħala “traġedja”, filwaqt li s-Soċjologu Michael Brigulio ddeskriviha bħala “vandaliżmu kulturali”.

Dawn kollha jingħaqdu mal-pożizzjoni li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li sostna li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Monti ma jibqax ħdejn il-proġett ta’ Renzo Piano.