Internazzjonali

Fl-Italja tinkixef ‘aġenzija tal-ivvjaġġar’ għall-immigranti illegali lejn l-Ewropa

F’Rimini, l-Italja, inkixfet dik li kienet qed taħdem bħala aġenzija tal-ivvjaġġar li permezz tagħha immigranti mir-reġjun tal-Kawkasu kienu qed jidħlu b’mod illegali fl-Unjoni Ewropea u mbagħad jaħarbu lejn pajjiżi oħra mingħajr ma jħallu traċċi.

Tliet persuni ġew arrestati u 14 oħra huma mfittxija barra mill-Italja minħabba akkużi ta’ organizzazzjoni ta’ ġarr ta’ immigranti illegali. F’din l-operazzjoni qed jaħdmu l-Pulizija tal-Italja, tar-Russja, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Awstrija, tan-Norveġja u tal-Belġju flimkien mal-Europol u Eurojust.

L-investigazzjonijiet bdew lejn l-aħħar tal-2012. Joħroġ li l-immigranti kienu jaslu fl-Italja bħala familji, b’adulti u tfal żgħar, u kienu jidħlu fl-ajruport ta’ Rimini b’visas ta’ turisti. Minn hemm kienu jmorru joqgħodu għal xi jiem f’post bħala turisti imma imbagħad kienu jaħarbu u qatt ma jirritornaw lejn pajjiżhom bit-titjira li kienet tkun diġà mħallsa.

L-organizzazzjoni kriminali kienet taħdem fil-forma ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar tant li kienet tkun hi li tibbukkja t-titjiriet u lilha kienu jħallsuha medja ta’ €1,500 għal kull persuna. Din l-aġenzija kienet tieħu ħsieb ukoll biex issib post fejn joqgħodu dawn it-‘turisti’ għall-ftit jiem fl-Italja u torganizzalhom il-vjaġġ klandestin lejn id-destinazzjoni finali li dawn xtaqu jmorru.