L-Imħallef David Scicluna ma laqax it-talba tal-Avukat Ġenerali biex il-boxer Scott Dixon jiġi arrestat mill-ġdid fuq ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Dixon, Ingliż ta’ 38 sena, u li fil-passat kien anke Champion tal-Commonwealth għaddej proċeduri fil-Qorti tal-Maġistrati mixli li bejn Ġunju u Settembru 2009 kien involut fit-traffikar u l-importazzjoni ta’ kważi nofs tunellata kannabis li kellha valur ta’ madwar €1.5 miljun.
Dwar dan il-każ minbarra Dixon, bl-importazzjoni ta’ 445 kilo kannabis jinsabu mixlijin ukoll żewġ Serbi, koppja Ingliża u Malti. Dixon kien ingħata l-ħelsien mill-arrest imma reġa’ ġie arrestat wara li allegatament kiser il-kundizzjonijiet li rabtitu bihom il-Qorti tal-Maġistrati.
Għalkemm il-Pulizija riedet li jiġi revokat il-ħelsien mill-arrest ta’ Dixon, il-Qorti tal-Maġistrati kienet biss li tagħtu. Kien għalhekk li l-Avukat Ġenerali appella fejn qal li l-ewwel Qorti kellix triq oħra ħlief iżżommu arrestat.
L-Imħallef David Scicluna ma laqax l-appell tal-Avukat Ġenerali fejn qal li l-artikli tal-liġi li semma l-istess Avukat Ġenerali fl-appell ma jagħtuhx id-dritt li jappella għar-revoka tal-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni fit-talba tmexxiet mill-Ispettur Dennis Theuma waqt li Dixon kellu jidhru għalih lill-Avukati Michael Scirha u Lucio Sciriha.