Xogħolijiet relatati mal-Kulleġġ Maria Reġina fil-Mosta qed isiru bla permess mill-Gvern. Dawn ix-xogħolijiet jinkludu tqattigħ ta’ blat f’għalqa biswit il-Kulleġġ, fi proġett biex għalqa tkun tista’ tintuża’ mill-istudenti li jistudjaw l-Agrikoltura. Dan il-każ kien trattat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjnet, l-Artijiet, il-MEPA u l-Infrastruttura Ryan Callus u s-Sindku tal-Mosta Shirley Farrugia.
Filwaqt li sostna li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra li jinħoloq spazju għall-istudenti tal-Agrikoltura, Ryan Callus qal li f’dan is-sit mhux biss tneħħiet il-ħamrija iżda sar ukoll xogħol ta’ tqattigħ ta’ blat, li għalih kien hemm bżonn permezz tal-MEPA. Kompla li minflok kien ta’ eżempju, hu l-Gvern stess li qed jikser il-Liġi u jwettaq xogħolijiet bla permess. Dan hu Gvern li jieħu l-Liġi b’idejh għax iħossu ‘l fuq mil-Liġi, sostna Ryan Callus, li kompla li għandu jkun speċifikat min awtorizza li jibda dan ix-xogħol mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li dan il-każ juri kemm id-Direttorat tal-Infurzar tal-MEPA jinsab f’qagħda ħelwa quddiem l-irregolaritajiet. Filwaqt li għamel referenza għax-xogħolijiet irregolari li kienu qed isiru fil-villa tal-Ministru Helena Dalli fiż-Żejtun, Ryan Callus qal li l-Gvern mhux jieħu passi dwar dawn l-illegalitajiet.
Min-naħa tagħha, is-Sindku tal-Mosta Shirley Farrugia qalet li l-MEPA għandha twettaq l-obbligi tagħha mar-residenti u tkun l-entità li twaqqaf xogħolijiet illegali. Qalet li fit-13 ta’ Jannar li għadda l-Kunsill Lokali tal-Mosta bagħat email lill-MEPA dwar l-iżvilupp irregolari, iżda sal-21 ta’ Jannar il-MEPA ma bagħtet l-ebda risposta. Dan wassal biex fil-21 ta’ Jannar il-Kunsill Lokali reġa’ kiteb lill-MEPA u fakkru fl-ewwel korrispondenza. Kien biss fis-27 ta’ Jannar, li l-MEPA informat lill-Kunsill li kienet se tieħu azzjoni minħabba li ma kinitx saret applikazzjoni.
//= $special ?>