Lokali

Il-Kultura Tagħna Lkoll

Taħt dan il-gvern trid tkun ottimist. Saħansitra meta’ iltaqgħu il-kunsilliera Laburisti għażlu bħala tema l-ottimiżmu. Hemm min jgħid li l-ottimiżmu huwa l-oppju tal-poplu – u ma tantx ikun sejjer żball f’dan il-każ. Hemm bżonn doża kbira ta’ oppju sabiex wieħed ma jarax kemm ir-roadmap ta’ Muscat hija mitlufa. Doża kbira li tagħmik milli tara kemm interessi privati u lobbies jiddettaw dik li miżerjament tissejjaħ politika tal-gvern. Fejn suppost hemm politika filfatt hemm qadi ta’ bżonnijiet diversi. #OTTIMIŻMUDOPAT

Issa qed ixejru iz-zunnarija tal-amnistija quddiem imnieħer dawk li tant gergru fil-passat li l-MEPA tagħfas wisq u ma tagħtix biżżejjed permessi. Wisq probabbli ħafna huma dawk li ivvutaw Labour għall-ewwel darba għax ma ingħatalhomx xi permess jew ieħor u waħħlu fin-nazzjonalisti li “jaħsbu biss f’ħaddieħor”. Issa il-gvern tal-Malta Developers Association u Sandro Chetcuti (li qalilna li kollox miexi fuq ir-rubini) se jagħti amnistija. Il-ħniżrijiet kollha tal-passat li qerdu wiċċ Malta se jiġu maħfura. Basta tħallas xi ftit flus. L-ambjent ta’ madwarna mhux suppost għandu prezz. Imma jekk ma tapprezzahx u m’għandekx l-iċken idea ta’ kultura allura l-aqwa li ddawwar sold jew tnejn ta’ malajr. #AMNISTIJAMOQŻIEŻA

Xi tridu japprezza dan il-gvern? Kulturalment ma jibda imkien. Kellu il-pjanijiet ta’ wieħed mill-iktar periti magħrufa u rispettati fid-dinja. Għażel li jaqdi l-bżonnijiet ta’ erbgħa bejjiegħa tal-monti. Issa Joe Mizzi qalilna li xorta għad ma hemmx flus biex jiġi imżejjen il-foss ta’ taħt bieb il-Belt. Sadattant se jibni b’sitt miljun garaxxijiet il-Marsa sabiex isodd ħalq l-organizzaturi tal-Karnival Floats. Tnejjku ukoll b-Willie Mangion għax ħallewh ifittex il-garaxxijiet għal mużiċisti imma sadattant qabbdu wieħed minn ta’ ġewwa biex joħroġ bi proġett (ikkupjat) ta’ malajr. X’jimpurtahom li ma hemmx ħsieb u li l-mużiċisti mhux eżattament qed iċapċpu? Hekk jew b’hekk il-flus mhux minn buthom ħerġin. Iħallas Ġaħan (kif kien jgħid Lowell). U jekk kien hemm bżonn konferma tal-livelli kulturali tal-gvern ta’ Owen Bonnici allura għaddu sa Pjazza De Vallette il-Belt u gawdu l-veduta ta’ gabbana tal-Hot Dogs imċafalsa f’nofs il-pjazza. #ZEROKULTURA