Il-Maġistrat Myriam Hayman tagħat spjegazzjoni fil-Qorti tal-Maġistrati dwar kif Pasqualino Cefai kien heddidha li jpattihilha wara li wissietu li tkeċċih mill-awla tagħha fejn kienet qed tisma’ kawża tiegħu.
Wara li l-Maġistrat spiċċat tixhed dwar dak li hija esperjenzat fit-2 ta’ Ottubru li għadda, Cefai minnufih talabha skuża u wegħedha li affarijiet bħal dawn ma jerġgħux jiġru. Il-Maġistrat Hayman aċċettat l-iskuża.
Cefai, li għandu 39 sena u huwa miż-Żebbuġ, Għawdex, qed jiġi mixli mill-Ispettur Darryl Borg li fl-imsemmi jum, fl-awla numru seba’, ħebb u hedded li joqtol lill-imsemmija Maġistrat u lill-Ispettur Johann Fenech kif ukoll li weġġa’ ħafif kuntistabbli tal-Pulizija.
Fil-kumpilazzjoni,l-Maġistrat Hayman qalet kif dakinhar kellha seduta dwar każijiet relatati mad-droga. Fil-każ ta’ Cefai dan jinsab mixli, flimkien ma’ ċertu George Frendo, b’importazzjoni u traffikar ta’ droga.
Hija qalet li f’ħin minnhom Cefai beda jgorr u jitkellem u għalhekk siktitu, iżda malli iktar ma beda għaddej ħin iktar beda jgħolli leħnu u kien hemm “tgħajjir minimu” min-naħa tiegħu. Kien għalhekk li bdiet issiktu u wara xi tlieta jew erba’ twissijiet iddeċidiet li tagħtih disprezz pekunjarju.
Kien f’dan il-mument li Cefai resaq lejn il-mejda fejn ikun hemm l-uffiċjali Prosekuturi u l-avukati u meta ratu fiżikament aġitat talbet biex jiġi skortat barra. Il-Maġistrat Hayman qalet li l-pulizija li mar biex jeskortah ’il barra spiċċa mgħolli minn Cefai u kellhom imorru pulizija oħra biex jippruvaw irażżnuh.
Cefai beda jagħti lill-pulizija, hedded lill-Ispettur Fenech li joqtlu u lilha heddidha li jibgħatilha lil ħutu biex ipattihilha għalkemm ma messix fiżikament. Il-ġudikanta qalet ukoll li Cefai akkużaha li serqitlu €10,000 u li riedet toqtlu bil-ġuh waqt li semmiet kif imbagħad iddeċiediet li tidħol fis-sigrieta għax beżgħet li jweġġa’ l-istaff tagħha.
Mistoqsija mill-Avukat Noel Bianco, li deher għal Cefai, jekk tafx li Cefai għandu xi kundizzjoni, il-Maġistrat Hayman wieġbet li taf li huwa bniedem nervuż u saħqet li kulma għandu bżonn huwa li jġib ruħu sew.
Kien f’dan il-ħin li l-Avukat Bianco nfurmaha li l-akkużat ried jiskuża ruħu b’Cefai jagħmel dan u anke jwegħdha li ma jerġax jagħmel dak li għamel. Cefai qed jiskonta sentenza ta’ seba’ snin ħabs wara li fit-13 ta’ Ġunju 2014 kien instab ħati fi tmiem ġuri li fis-6 ta’ Ġunju 2012 ikkaġuna feriti gravi lil Joseph Spiteri wara li ħebb għalih b’sikkina fil-Qorti t’Għawdex fejn it-tnejn li huma kellhom kawża kontra xulxin.
//= $special ?>