Il-Partit Nazzjonalista akkuża lix-xandir tal-istat b’qerq billi xandar aħbar falza biex jaqdi l-aġenda tal-Gvern Laburista.
F’ittra bi protesta lill-PBS, il-PN wera t-tħassib tiegħu għall-istat li fih waqa’ x-xandir nazzjonali “li suppost għandu jkun leali lejn il-verità u t-telespettaturi”. Saħaq li din l-istrateġija għandha titwaqqaf u għandu jkun hemm korrezzjoni għall-aħbar falza li xxandret.
Il-PN kien qed jirreferi għall-aħbar imxandra mill-aħbarijiet tal-istat li matulu ntqal li l-proġett tal-bini ta’ Powerstation miexi skont il-pjan.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Komunikazzjoni u l-Politika Awdjoviżiva, Clyde Puli, fi stqarrija, saħaq li hu fatt magħruf li l-wegħda ta’ Joseph Muscat, li jibni Powerstation ġdida sax-xahar li ġej kif ta l-kelma li jagħmel qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, taret mar-riħ.
Qal ukoll li dan kien kostrett jammettieh Joseph Muscat stess meta kien ovvju li l-Powerstation ma kinitx se tkun lesta sax-xahar li ġej.
B’riferenza għall-aħbar tal-istazzjon nazzjonali, Clyde Puli qal li hu xokkanti l-mod kif il-PBS qed jimmanipula l-verità sempliċiment biex iservi ta’ forċina tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. Insista li l-għan tal-PBS għandu jkun li jgħid il-verità, imma huwa ovvju li f’dan il-każ, il-verità kienet ferm ’il bogħod.
Il-Kelliem tal-PN qal li l-PN jappella lit-tmexxija tal-PBS biex tieħu passi dwar dan il-każ u biex tassigura li din it-tip ta’ żlealtà lejn it-telespettaturi u s-semmiegħa tieqaf minnufih.
//= $special ?>