L-Eġittu qed ilesti għal evakwazzjoni tal-massa taċ-ċittadini tiegħu mil-Libja hekk kif l-ISIS ħareġ ritratti li juru 21 Nisrani Eġizzjan li nħatfu mill-grupp terroristiku. Ir-ritratti nħarġu fl-aħħar edizzjoni tar-rivista li joħroġ l-ISIS fuq l-internet, ‘Dabiq’.
Numru ta’ Nsara Eġizzjani kienu nħatfu fil-Libja f’żewġ rejds li kienu saru f’Sirte f’Diċembru u f’Jannar u issa hemm suspetti li dawn sfaw maqtula imma s’issa dehru biss ritratti tagħhom ħajjin.
Il-President Eġizzjan Abdul Fattah al-Sisi qal li l-Eġizzjani kienu se jinħarġu mil-Libja bl-ajru, u nħoloq kumitat speċjali biex jgħasses is-sitwazzjoni fil-Libja. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Eġizzjan diġà kien wissa lill-Eġizzjani biex ma jivvjaġġawx lejn il-Libja u dawk li hemm fil-pajjiż għandhom jevitaw iz-zoni fejn hemm il-ġlied.
Fir-ritratti li ntwerew, l-Eġizzjani jidhru libsin dik il-jumpsuit oranġjo li qed titlibbes lill-ostaġġi tal-ISIS qabel ma jinqatlu.
L-ISIS qed isostni li dawn inħatfu bi tpattija għan-nisa Musulmani li kienu ttorturati u maqtula mill-Knisja Kopta fl-Eġittu. Fil-Libja hemm eluf ta’ Eġizzjani li jaħdmu l-aktar fil-qasam tal-kostruzzjoni.
//= $special ?>