Ommi, Alla jagħtiha l-glorja tal-Ġenna, fil-kċina kellha stanjata bil-misħun dejjem fuq il-kuċiniera ta’ bi tlieta. Dejjem tati fuq nar bati. Dejjem għal-lest għal min ikun irid xi tazza tè jew xi magg kafè. Dejjem fuq nar inemnem… se jintefa’ u ma jintefiex. Sajf u xitwa. Filgħodu u filgħaxija.
U f’pajjiżna wkoll hawn numru ta’ persuni jew ħaddiema f’kumpaniji li huma wkoll jinsabu mtertqa fuq ta’ bi tlieta. Persuni li allura għandhom inċertezza kbira. Jinsabu mkissra jistennew għax ma jafux x’destin se jiffaċċjaw.
Għax m’hemmx agħar milli tistenna xi riżultat jew żvilupp. M’hemmx agħar milli xi ħadd ipoġġik fuq spaga jew f’xifer irdum u jħallik hemm tistenna. Il-minutiera ma tgħaddi qatt. Tħoss moħħok se jinfaqa’ bil-ħsibijiet. Tħoss qalbek ġunġliela jew ħierġa bit-tensjoni.
U minn dawn f’dan il-pajjiż għandna ftit mhux ħażin. Jistennew. Ma jafux x’destin se jolqothom. Ma jafux għada x’se jisbaħ. Ma jafux x’se jiġri minnhom.
John Dalli
L-eks Kummissarju Malti John Dalli hu wieħed minn dawk li jinsabu fuq il-kuċiniera ta’ bi tlieta. Jistenna biex ikun jaf x’se jkun id-destin tiegħu. Se jittella’ l-Qorti jew le? Jekk se jittella’ meta? U jekk se jittella’ x’akkużi se jkun qiegħed jiffaċċja? Għandu futur inċert. Il-preskrizzjoni ttul mhux ħażin!
Dwar il-każ ta’ John Dalli ngħad u nkiteb ħafna. Ma nħossx li għandi nidħol fil-mertu tal-każ. Li ċert minnu hu li qabel l-Elezzjoni ta’ 22 xahar ilu ma tressaqx il-Qorti għalkemm kien hemm min kien jemmen li l-Pulizija hekk kellhom jagħmlu.
Imbagħad logħba għall-ħin. Moralment konvint li arranġament ma’ Joseph Muscat wassal biex John Dalli jirritorna Malta darba l-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni. Hekk kellu ċertezza li l-Pulizija ma kenux se jieħdu passi kontrih fil-Qorti. Aktar u aktar wara li John Rizzo twarrab minn Kummissarju tal-Pulizija.
Imma llum is-sitwazzjoni għadha l-istess? Il-Korp tal-Pulizija llum jitmexxa mill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li ġimgħat ilu stqarr fehmu dwar il-każ John Dalli. Qal li fil-fehma tiegħu kien hemm provi biżżejjed biex dan jitressaq il-Qorti. Lil Micahel Cassar nafu b’raġel serju.
Allura John Dalli m’għadux trankwill. M’għadx għandu s-serħan tal-moħħ. U nemmen ukoll li jekk qabel l-Elezzjoni Joseph Muscat kellu bżonn il-figura ta’ John Dalli, illum Joseph Muscat ma għandu bżonn l-ebda figura ta’ John Dalli.
Iva, l-eks Kummissarju John Dalli ma jistax jgħix trankwill. Għax id-destin tiegħu ma jafux…
Il-ħaddiema tal-Enemalta u l-Air Malta
Anki l-ħaddiema tal-Enemalta u l-Air Malta ma jistgħux jgħixu b’serħan il-moħħ u bi trankwillità. Ma jafux id-destin tagħhom x’se jkun. Ma jafux x’qed jaħmi l-Gvern fir-rigward tal-futur tal-Korporazzjoni Enemalta u tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.
Il-ftehim maċ-Ċiniżi dwar l-Enemalta sar minn wara dahar kulħadd. U issa x’inhu l-futur tal-istess Enemalta? Anzi – biex inkun aktar preċiż – xi rwol se jitħalla jew se jkun offrut għall-ħaddiema tal-Enemalta?
Anki l-manuvri tal-Gvern fir-rigward tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta jqanqlu ħafna mistoqsijiet. Ingħad li ċerti ideat biex l-Air China tibla’ l-Air Malta ma kienu jawguraw tajjeb xejn għall-ħaddiema Maltin.
Fin-nofs hemm mijiet ta’ ħaddiema li lkoll għandhom il-familji u l-impenji tagħhom. Intortament il-futur ta’ dawn il-ħaddiema tpoġġa fuq il-kuċiniera ta’ bi tlieta.
Dan l-aġir tal-Gvern Laburista li jilgħab bl-emozzjonijiet u l-futur tal-ħaddiema hu inaċċettabbli.
//= $special ?>