Lokali

L-Oppożizzjoni mħassba dwar il-cashflow tal-familji

L-Oppożizzjoni tibqa’ tinsisti mal-Gvern li r-roħs fid-diesel u l-petrol għandu jkun aktar mill-4ċ li raħħsu dan l-aħħar għax fil-fatt il-Gvern qed jixtri l-fuel bl-irħis. F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Enerġija, u t-Trasport Marthese Portelli qalet li filwaqt li l-prijorità tal-Gvern hi l-cash flow tal-kumpanija Enemed. Min-naħa l-oħra, il-prijorità u t-tħassib tal-Oppożizzjoni hu dwar il-cash flow tal-familji Maltin.

Marthese Portelli qalet li l-Ministru Konrad Mizzi jista’ ma jkollux problema ta’ cash flow għax il-mara tiegħu ngħatat paga ta’ €13,000 fix-xahar mill-Gvern Laburista. Portelli qalet li minkejja r-roħs minimu fid-diesel u l-petrol, Malta għad għandha fost l-ogħla prezzijiet tal-fuels fl-Ewropa. Dan qed jaffettwa negattivamnet mhux biss lill-pubbliku, iżda wkoll lin-negozji ż-żgħar u medji. Jirriżulta li hemm pajjiżi li fihom il-petrol jinbigħ 38ċ orħos minn Malta, filwaqt li d-diesel jinbigħ 30ċ orħos għal kull litru.

Ix-Shadow Minister qalet li l-prezzijiet ogħla li qed iżomm il-Gvern Laburista qed joħolqu diffikultajiet kbar għan-negozji, fejn il-kumpaniji lokali li jużaw il-karrozzi qed ikollhom iħallsu eluf kbar ta’ ewro aktar fis-sena għall-fuel li jużaw. Marthese Portelli sostniet li f’ġieh it-trasparenza u l-istabbiltà li l-Prim Ministru jitkellem dwarha, il-Gvern għandu jraħħas b’mod sostanzjali l-prezzijiet tad-diesel u l-petrol biex dawn ikunu jirriflettu b’mod ġust il-prezzijiet internazzjonali.