Unjoni Ewropea

Miżuri ġodda kontra ‘s-sewwieqa barranin’ fl-Ewropa li jiksru liġijiet tat-traffiku

Is-sewwieqa mhux residenti fl-Ewropa jammontaw għal xi ħamsa fil-mija tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea iżda, fl-istess ħin, huma wkoll responsabbli għal 15 fil-mija tal-kontravenzjonijiet li jinvolvu s-sewqan eċċessiv.

Dan ħareġ miċ-ċifri tal-Kummissjoni Ewropea, bil-Kunsill Ewropew għas-Sigurta tat-Trasport jilqa’ b’sodisfazzjon il-vot fil-Parlament tal-Ewropa biex japprova liġi ġdida li tippermetti lill-Pulizija jinfurzaw il-penali għal sewwieqa barranin li jiksru l-liġijiet.

Il-liġi ġdida mistennija ssalva l-ħajja ta’, almenu, 400 persuna fis-sena, bir-regoli għandhom ikopru varjeta ta’ abbużi li – minbarra s-sewqan eċċessiv – jinkludu s-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, minbarra l-każi fejn persuna tuża t-telefon ċellulari waqt li ssuq inkella meta ma tieqafx quddiem ‘red light’.

Antonio Avenoso, id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Ewropew għas-Sigurta tat-Trasport qal li dan il-vot ‘jgħin itemm l-inġustizzja fejn is-sewwieqa barranin (fl-Ewropa) jiżgiċċaw il-multi għall-abbużi tat-traffiku waqt li l-Ewropej iħallsu għall-istess reati’.