Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-Ingilterra ħareġ twissija biex dak li jkun joqgħod attent u ma jeħilx f’oġġetti meqjusa ‘normali’ hekk kif fi tmiem il-ġimgħa joħroġ fis-swali taċ-ċinema l-film Fifty Shades of Grey.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Londra, speċjalment, qed jistenna żieda qawwija fis-sejħiet għall-għajnuna minn nies li jeħlu f’oġġetti bħal manetti, hekk kif joħroġ il-film tant mistenni wara s-suċċess tal-ktieb bl-istess isem. Qed iwissi lill-pubbliku biex jaħsibha darbtejn qabel jikkopja ċerti xeni mill-film għax kapaċi jkollhom konsegwenzi mhux mixtieqa.
Żvelaw li bejn l-2013 u s-sena li għaddiet, issejħu għal 472 inċident li fihom persuni weħlu f’oġġetti meqjusa ‘ta’ kuljum’ u li ċ-ċifra żdiedet sena fuq sena kemm ilhom li ħarġu l-kotba bl-isem isem mill-2011.
Il-London Fire Brigade wissiet li s-sejħiet għall-għajnuna l-iktar imbarazzanti se xxandarhom fuq Twitter fejn anke se tagħti informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jkun iktar sigur. Żvelat li s-sena li għaddiet, raġel kellu jgħaddi minn operazzjoni biex ineħħi żewġt iċrieket tal-metall li kienu ilhom imwaħħla mal-parti tiegħu għal tliet ijiem. Ir-raġel kien ittieħed l-isptar imma t-tobba ma setgħux jaqilgħuhom minn fuqu u għalhekk ċemplu lil tal-Protezzjoni Ċivili.
Id-dipartiment f’Londra qed imexxi kampanja, bl-isem Fifty Shades of Red bit-tama li l-pubbliku jaħsibha darbtejn qabel jidħol f’sitwazzjonijiet kompromettenti. Kull inċident jiswa lill-pubbliku mill-inqas £295 jew kważi €400.
Minn April tal-2013, l-iskwadra ta’ għajnuna tal-kapitali Ingliża ssejħet għal mill-inqas 14-il inċident li fihom tfal weħlitilhom rashom f’potties jew fis-seat tat-toilet, 28 inċident ieħor ta’ nies li weħlu f’manetti u neħħew 293 ċurkett inkluż seba’ minn irġiel li ġralhom bħal dak li spiċċa l-isptar.
Il-Protezzjoni Ċivili ta’ Londra ħarġet tliet suġġerimenti biex dak li jkun jevita li jsib ruħu f’sitwazzjonijiet imbarazzanti: l-ewwel, li jekk xi ħaġa ma tidhirx li hi sigura, aktarx li mhix; it-tieni, li jekk tuża manetti, importanti li żżomm iċ-ċwievet fil-qrib; u t-tielet, li s-swaba’ u apparat elettriku, speċjalment jekk fih xi xfafar, ma jmorrux id f’id.
//= $special ?>