Lokali Parlament

Taxxi u piżijiet minn Gvern nieqes mill-viżjoni u l-ideat

Politika bbażata fuq il-bejgħ tal-passaporti u ideat tas-second hand

Quddiem in-numru kbir ta’ taxxi, in-numru kbir ta’ tariffi, spejjeż u piżijiet li daħħal dan il-Gvern sa mill-ewwel ġurnata ta’ din is-sena fuq il-poplu Malti u Għawdxi kollu, il-Gvern qed juri li hu nieqes mill-ideat.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit u Shadow Minister għall-Intern, Beppe Fenech Adami, appella lill-Gvern biex mill-kliem jgħaddi għal fatti u jispjega fejn qed jimmira li jieħu l-ekonomija biex tilħaq livelli ogħla u ta’ kwalità.

“S’issa rajna biss politika bbażata fuq il-bejgħ tal-passaporti u politika tas-second hand”, qal Beppe Fenech Adami meta din il-ġimgħa tkellem fil-Parlament tkellem dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta l-miżuri tal-Baġit.

Baġit li nqara mill-Ministru tal-Finanzi f’Novembru li għadda u li kien l-itwal wieħed fl-istorja u li llum qed jippreżenta 120 paġna ta’ taxxa u żidiet ta’ tariffi.
Gvern li wera biss kemm hu kreattiv għax fehem li jara kif se jdaħħal il-flus u fl-innovazzjoni tiegħu żied it-taxxa fuq il-mowbajl li tolqot lil kulħadd. Taxxa wkoll fuq l-inbid minkejja li dan hu gvern li jiftaħar li hu pro-business iżda narawh jinponi taxxa fuq l-inbejjed.

Taxxa fuq l-industrija tal-fish farms li twieldet u bdiet toħloq l-impjiegi u dħul għall-pajjiż, iżda llum qed naraw lill-Gvern jintaxxaha fuq l-ikel tal-fish farms.

Gvern ukoll li impona taxxa fuq it-tires tal-karozzi li kull tire se jiswa bejn €12 u €14 aktar. Żieda wkoll fil-ħlasijiet fiċ-ċertifikati tat-twelid u wkoll fiċ-ċertifikat tal-mewt, u mhux biss, żidiet ukoll fuq it-tariffi fuq it-trasport tal-għadam minn qabar għal ieħor.

Dan hu gvern ukoll, kompla jikkritika Beppe Fenech Adami, li daħħal żidiet fit-tariffi tal-passaporti u min hu sfortunat li jeskadilu l-passaport bejn April u Awwissu jrid iħallas €100 – €30 aktar – miżura li tiddiskrimina b’mod stupidu u dilentattesk ta’ kif isiru l-affarijiet.

Miżuri oħa fuq it-taxxa fuq il-proprjetà kontra l-pariri kollha tekniċi f’din l-industrija.

Tkellem dwar il-pulizija u l-armata u qal li dan hu gvern li ma żammx kellmtu fil-ħlas tal-overtime. Fil-Korp tal-Pulizija llum l-overtime spiċċa u m’hemmx possibbiltà ta’ overtime bil-membri tal-Korp jonqsilhom id-dħul u lanqas m’hemm xamma li l-ħlasijiet tal-overtime pendenti jitħallsu wkoll.

Dan hu Baġit bla viżjoni f’diversi oqsma u ma joffri ebda viżjoni għall-qasam tas-saħħa. Beppe Fenench Adami qal li Gvern Nazzjonalista kellu viżjoni li jibni sptar tal-onkoloġija biex jingħalaq sptar qadim ta’ Boffa. Iżda bid-deċiżjoni tal-Gvern li jikkonvertih fi sptar ieħor, wera li għandna Gvern li jiddobba bis-second hand.

Beppe Fenech Adami staqsa x’inhi l-viżjoni tal-Gvern fuq is-sussidju lil dawk li ma jistgħux jikkonsumaw u jieklu ċertu prodotti meta dan il-Gvern naqqas is-sussidju għalihom.

Qasam tas-saħħa fejn qed jirriżultaw sitwazzjonijiet fejn qed imutu n-nies fil-kurituri tal-isptar. Appella biex meta nitkellmu fuq is-saħħa, nitkellmu fuq viżjoni – viżjoni għall-kura tal-kanċer, tad-dijabete, tad-dimensja, u f’tant oqsma oħra fil-kura tas-saħħa, b’aċċenn fuq il-kura tad-dimensja b’appell għal pjan ħolistiku biex nindirizzaw ir-realtajiet tal-kundizzjoni tad-dimensja.

Appella wkoll li l-baġit tal-Gvern jagħti viżjoni wkoll għall-edukazzjoni fejn wara sentejn fil-gvern naqas mill-wegħda li jagħmel bħall-Gvern Nazzjonalista li jibni skola ġdida fis-sena.

Appella lill-Gvern jgħid x’inhi l-viżjoni tal-Gvern fuq il-qasam tal-politika tal-fuel. Dan hu Gvern li quddiem Ewropa kollha li qed traħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel b’ammonti sostanzjali, dan hu Gvern li sal-lum hu inkompetenti u ma kienx kapaċi jagħti lill-poplu dak li gvernijiet Ewropej taw lill-popli tagħhom. Irrimarka li ftehim ta’ hedging isiru mill-pajjiżi kollha, u għaldaqstant l-iskuża tal-Gvern ma treġġix.

Beppe Fenech Adami saħaq li trendi kemm trendi flus l-iskema tal-bejgħ tal-passaport, dan il-prinċipju hu ħażin u jibqa’ ħażin fih innifsu.