Kurżitajiet

Tkompli r-rabta bejn il-karozzi Jaguar u ‘James Bond’

It-tliet mudelli tal-karozza Jaguar li jintużaw fl-aħħar film tas-sensiela ‘James Bond’ (Aġent 007) ikomplu konnessjoni antika bejn il-kumpannija Britannika prestiġjuża u l-‘franchise’ popolari li ilha mis-snin sittin tikser ir-rekords fil-‘box office’.

Intant, il-Jaguar qed tingħata prominenza assoluta fil-film ġdid ‘Spectre’, fejn l-attur Daniel Craig hu mill-ġdid il-protagonista f’din l-24 avventura ta’ ‘Bond’, bħala l-aġent sigriet indistruttibbli.

Il-mudelli diversi tal-karozzi mit-taqsima ‘Special Operations’ tal-kumpannija Jaguar huma l-Jaguar C-X75; ir-Range Rover Sport SVR u l-Land Rover Defender Big Foot. Dan meta s-sekwenzi tal-film li jinvolvu l-SVR u l-Big Foot inġibdu diġa fl-Awstrija.

Madankollu, dan ma jfissirx li d-dilettanti ta’ ‘James Bond’ m’humiex se jaraw il-karozza karatteristika tal-aġent – f’dan il-każ, il-famuża Aston Martin li se tkun iċ-ċentru tal-attenzjoni waqt tellieqa spettakolari mit-toroq tal-Italja li hi fost l-aktar sekwenzi eċċitanti ta’ ‘Spectre’.

Il-parti tal-‘anti-Bond’ f’dan il-film se jaħdimha l-attur, Christoph Waltz fil-karattru ta’ Blofeld, li hu l-aktar ‘viljakk qalil’ f’din is-sensiela li ngħatat il-ħajja mill-pinna tal-awtur Ingliż, Ian Fleming.